Darren Carabott faqa’ bużżieqa oħra fil-Partit Nazzjonalista wara li ammetta li ż-żieda fil-popolazzjoni mhux veru wasslet għal xi żieda fl-ammont ta’ rapporti kriminali.
Tali ammissjoni wasslet mhux biss wara xhur li fil-Parlament ġie spjegat bil-fatti li dan qatt ma kien minnu, anzi r-reati baqgħu dejjem jonqsu drastikament, iżda wkoll wara snin ta’ gideb u invenzjonijiet mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista stess li nefħu narrattiva simili biex jagħmlu ħsara lill-pajjiż.
Fil-fatt statistiċi uffiċjali ppreżentati f’Ottubru li għadda mill-Assistent Kummissarju Kenneth Haber u l-Professur tal-Kriminoloġija Saviour Formosa f’kumitat Parlamentari juru li r-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna baqgħet tonqos.
Minbarra hekk ħareġ li s-sena li għaddiet kienet l-inqas waħda fl-aħħar għaxar snin u l-inqas fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, ras għal ras fejn jidħlu kull tip ta’ reati.
Carabott ammetta dan f’opinjoni fil-gazzetta Malta Independent fl-aħħar ħarġa tagħha tal-Ħadd fejn qal li, minn statistiċi li akkwista dwar il-popolazzjoni f’pajjiżna li jmorru lura għal tliet snin ilu, ma affettwa bl-ebda mod kemm ġew irrapportati reati f’Malta u Għawdex.
F’din l-analiżi, li tgiddeb in-narrattiva tal-Partit Nazzjonlista stess fl-aħħar żmien, ġie spjegat li l-lokalitajiet fejn żdied l-ammont ta’ residenti kienu l-Gżira, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u l-Imsida. Iżda bħaċ-ċifri nazzjonali, ir-reati hawnhekk ma żdidux.
L-istess Deputat Nazzjonalista żelaq fin-niexef ukoll meta qal li l-idea tal-Pulizija fil-Komunità, li ddaħħlet minn Gvern Laburista fl-aħħar snin fi strateġija ta’ prevenzjoni fil-qalba tal-komunità, kienet saret mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Dan meta anke din l-istrateġija spiċċat taħt assalt kontinwu minn membri tal-istess Oppożizzjoni Nazzjonalista, waqt li kienet qed tiġi attwata b’mod gradwali f’numru ta’ lokalitajiet.