Id-Deputat Nazzjonalista u Chairman għall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott qed imur kontra diversi rulings meta jfittex ftehim dwar il-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari li jippresiedi.
Innota dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u Whip tal-Gvern Andy Ellul, li fisser l-aġir ta’ Carabott bħala wieħed li, biex iżomm postu, lest imur kontra rulings u jlaqqa’ l-Kumitat mingħajr ma jfittex ftehim u mingħajr ma jkun hemm preżenti l-membri permanenti tan-naħa tal-Gvern.
Ellul talab lil Carabott biex meta jiġi biex ilaqqa’ l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, ifittex ftehim flok jimponi ħalli jintgħoġob ma’ tal-establishment.
Andy Ellul innota wkoll li, meta fettillu, Carabott ma ddejjaq xejn iħarbat l-aġenda tal-Kumitat biex imur jara logħba futbol.
Sadanittant il-Whip tal-Gvern laqa’ d-deċiżjoni tal-iSpeaker li l-kumitat jista’ jitlaqqa’ fis-Sajf fejn qal “forsi fl-aħħar Darren Carabott jifhem li ma jistax jiddetta r-regoli hu, imma għandu jimxi mal-proċeduri parlamentari.”
“Ir-rule of law qiegħda hemm għal kulħadd u l-ewwel ħaġa li kellu jagħmel Carabott kien li jfittex il-kunsens kif qallu l-iSpeaker, b’rispett sħiħ għar-rulings li ngħataw.” Temm jgħid Dr Ellul.
ONE News huwa nfurmat li l-PAC se jitlaqqa’ nhar it-Tlieta fit-tmienja ta’ Awwissu fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar.