Għall-ewwel darba, l-In Guardia se ssir fil-Palazz Verdala, bil-għan li l-pubbliku Malti jkollu ċ-ċans jara l-ispettaklu li jinħoloq waqt rappreżentazzjoni storika ta’ żmien il-Kavallieri.
It-tnedija ta’ din l-attività saret f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-President George Vella, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, u d-Direttur Artistiku tal-In Guardia s-Sur Mario Coleiro.
Is-Sur Coleiro qal li s-soltu l-In Guardia ssir għat-turisti fil-Forti Sant’Iermu l-Belt, iżda nhar is-Sibt 29 ta’ Ġunju se ssir fil-Palazz Verdala.
Il-kanċell tal-Palazz se jinfetaħ fl-10 ta’ filgħodu għall-viżitaturi u se jsiru bosta żjarat gwidati fil-Palazz, kif ukoll preżentazzjonijiet tal-In Guardia fil-ġonna.
Il-Ministru Mizzi qal li l-In Guardia se tikkumplimenta l-festa tradizzjonali Maltija tal-Imnarja b’avveniment folkloristiku u storiku li huwa minnu nnifsu attrazzjoni għall-familji Maltin, filwaqt li tista’ wkoll tattira numru ta’ turisti.
Żied jgħid li avveniment bħal dan se jkun qed jgħin lill-Malta Community Chest Fund (MCCFF) billi d-dħul minimu għall-istess attività jmur għat-talbiet li jkollha ta’ kuljum għall-għajnuna.
Il-President Vella ħeġġeġ lil dawk kollha li ser iżuru l-Buskett is-Sibt li ġej għall-attivitajiet tal-Imnarja jieħdu l-okkażjoni li jżuru l-Palazz Verdala biex jaraw ukoll l-In Guardia.
Huwa faħħar din l-inizjattiva li qed issir mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li wkoll qed jagħtu s-sostenn b’donazzjoni lill-MCCFF.
Il-President Vella qal li d-donazzjonijiet huma kruċjali għall-ħidma kontinwa tal-MCCFF li taħdem bla heda sabiex iġġib bidla pożittiva u tanġibbli lil eluf ta’ nies fil-bżonn.