Ilbieraħ wara nofsinhar il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia kompla biż-żjara tiegħu f’Ċipru fuq stedina tal-Ministru tad-Difiża Christoforos Fokaides waqt li żar il-Joint Rescue Coordinating Centre. Minbarra li ra t-teknoloġija u l-metodi li jużaw fil-qasam tat-Tfittxija u tas-Salvataġġ, iż-żewġ ministri ddiskutew it-triq ’il quddiem sabiex iż-żewġ friegħi: Malta u Ċipru jkunu jistgħu jikkoperaw u jaħdmu flimkien.
Hu maħsub li delegazzjoni Ċiprijotta tiltaqa’ ma’ dik Maltija biex jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin u jħarsu lejn metodi ġodda ta’ kif jaslu u jaħdmu f’ċerti sitwazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar.
Sadanittant il-Ministru Michael Farrugia żar l-Air Base Andreas Papandreou f’Paphos, Ċipru, fejn ingħata merħba mill-forzi tal-ajru. Il-kmandant u d-delegazzjoni miegħu dawru lill-Ministru u tawh tagħrif siewi dwar il-ħidma u l-flotta tal-ajru tagħhom filwaqt li tkellmu miegħu dwar kif isiru r-reklutaġġ u t-taħriġ lil kadetti ġodda.
Huma tkellmu u wrew ix-xewqa wkoll dwar prospetti ta’ bdil ta’ persuni biex jitħarrġu u jaħdmu flimkien sabiex iż-żewġ pajjiżi jaqsmu bejniethom kull esperjenza miksuba.