Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jikkunsidra li jsejjaħ Elezzjoni Ġenerali jekk l-Unjoni Ewropea taċċetta dewmien ieħor fil-proċess Brexit.
Il-Prim Ministru Johnson issospenda l-proċess biex l-abbozz tiegħu jgħaddi minn Westminster wara li l-Membri Parlamentari Ingliżi m’aċċettawx li jiġi skrutinizzat fi tlett ijiem biss. Johnson baqa’ sal-aħħar jipprova jħeġġeġ lill-Membri Parlamentari jappoġġjaw dan l-aħħar abbozz biex ir-Renju Unit ikun jista’ jitlaq mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru kif pjanat u l-pajjiż ikun jista’ jimxi ‘l quddiem.
Intant il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Donald Tusk qal lill-Parlament Ewropew li jinsab f’diskussjoni mal-bqija tal-mexxejja Ewropej dwar jekk l-estensjoni dwar Brexit għandhiex tingħata. Huwa mistenni jħabbar id-deċiżjoni finali fil-jiem li ġejjin.