Heritage Malta qed torganizza żjara b’differenza fil-park arkeoloġiku tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Dan hekk kif il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw dawn iż-żewġ tempji preistoriċi u l-madwar fi nżul ix-xemx.
L-attivitá, li se ssir nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Lulju, tinkludi żjara fiż-żewġ siti preistoriċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, kif ukoll se jkun esplorat il-pajsaġġ Mediterranju li jdawwar is-sit mogħni b’karatteristiċi storiċi fosthom it-Tankijiet ta’ Misqa, il-Congreve Memorial u t-Torri tal-Ħamrija.
Kuraturi u esperti se jdawwru lill-viżitaturi u permezz ta’ din l-attivitá l-viżitaturi se jkollhom opportunitá rari li jesploraw u jifhmu f’iktar dettal dawn is-siti, iktar u iktar meta f’dan il-ħin iż-żona tkun tbattlet min-numru kbir ta’ persuni li ġeneralment iżuru s-sit fil-ħinijiet normali tal-ftuħ.
Fi tmiem iż-żjara jkun hemm riċeviment żgħir fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Il-viżitaturi jridu jkunu fil-parkeġġ tas-sit fis-6.30pm fejn jiltqgħu ma’ rappreżentant ta’ Heritage Malta.
Il-biljetti, għall-prezz ta’ €20 għall-adulti, anzjani u studenti, u €15 għall-membri ta’ Heritage Malta u tfal, huma limitati u jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta jew inkella online.
Iktar tagħrif jinkiseb min fuq il-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org jew żur il-paġna uffiċjali ta’ facebook.