Jekk inti ta’ demm Malti, hemm ċans li xi ħadd mill-antenati tiegħek kien baħħar, u furban.
Hekk jispjega Xandru, furban tal-imgħoddi, li f’tour iggwidat fil-Belt Valletta jispjega kif fi żmien il-Kavallieri, is-sibi kien xi ħaġa normali.
Saħansitra kien irregolat mill-Granmastru, li kien jieħu s-sehem tiegħu bħalma llum inħallsu t-taxxi, u kien waqqaf Qrati u sistemi oħra biex dan ix-xogħol – li kien irendilu ħafna – jibqa’ għaddej.
Jidher propju li l-Maltin kienu baħħara u furbani mill-aqwa, u l-biża’ ta’ bosta, hekk kif saħansitra sal-ġurnata tal-lum hemm postijiet fl-Afrika hemm min għadu jbeżża’ lit-tfal bil-furban Malti.
Giacomo Muscat minn The Real Malta Tours, jispjegalna kif il-ħajja fi żmien il-Kavallieri kienet iebsa ferm, fejn pirati u furbani kien hawn, u kif.
Dan il-proġett wasal wara tmien snin ta’ interess u riċerka, fejn affaxxina ruħu kif il-Maltin kienu minn ta’ quddiem fuq il-baħar u fit-taqbid.
Is-Sur Muscat saħaq li jemmen li din il-parti tal-istorja ta’ pajjiżna m’għandhiex tkun moħbija, anzi, għandha tingħata l-prominenza li jixirqilha.
Lil hinn minn dan, it-tour informattiv jispjega kif il-Maltin spiċċaw b’sehem fl-Indipendenza Amerikana, u bosta stejjer dokumentati, inkluż ta’ ħu ċertu Granmastru li nqabad fis-sodda ma’ mart Furban Malti.
Dan flimkien ma’ rakkonti dwar Malta u l-kafè, x’kienu jixorbu l-kursara, r-realtà tal-iskjavitù u l-prostituzzjoni f’pajjiżna fi żmien il-Kavallieri, u ferm u ferm iżjed.
Dan kollu permeżż ta’ referenza għal numru ta’ dokumenti storiċi – biex f’tour edukattiv u divertenti ta’ madwar siegħa u nofs fit-toroq tal-Belt Valletta parti mill-istorja ta’ pajjiżna li għal żmien twil ingħatat il-ġenb u ntefgħet taħt it-tapit, tingħata l-importanza li jistħoqqilha.