Fi stamperija fil-Qrendi qed jiġu stampati 12,000 kopja tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Tisjir mill-Qalb.
ONE News tkellem ma’ Matilde Balzan mill-uffiċċju tal-President fejn spjegat it-tema tal-ktieb ta’ din is-sena.
“Din hija d-disa’ edizzjoni minn dan il-ktieb ta’ Tisjir mill-Qalb. Ovvjament matul din il-Presidenza se jkun il-ħames wieħed. Din is-sena għażilna li nsejħu lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji li għandhom is-suġġett tal-ospitalità biex jagħtuna xi riċetti, u filfatt ikkonkorrew 23 skola”.
Il-ktieb fih 80 riċetta, u din is-sena l-istudenti għażlu li jinkludu diversi ingredjenti ġodda u tajbin għas-saħħa li bil-mod il-mod qegħdin jidħlu fil-kċejjen Maltin:
“Din is-sena qisu hemm differenza minħabba li jintużaw ħafna ingredjenti li qed ngħidu huma tajbin għas-saħħa aħjar bħal kale, avocado, u macha powder“.
Is-Sinjura Balzan spjegat l-importanza li l-ktieb ta’ din is-sena qiegħed jagħti lejn it-talent żagħzugħ Malti fil-qasam tal-ospitalità u l-ikel:
“Nuru fiduċja lejn dan it-talent li tiela’, dawn huma kif għadna studenti tal-ospitalità fl-iskejjel sekondarji Maltin u Għawdxin. Ukoll irrid ngħid li kkonkorrew mhux biss l-iskejjel tal-Istat imma anke l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti”.
Waqt li żaret l-istamperija, il-President Marie Louise Coleiro Preca raddet qalet li ktieb hu kruċjali fil-ġbir ta’ fondi għall-Istrina. Qal li din is-sena n-nefqa fuq il-mediċini għall-kanċer se tlaħħaq it-€800,000.