L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, qed joffri l-opportunità lill-eks studenti tiegħu biex isaħħu l-karrieri tagħhom bi skont ta’ ħmistax fil-mija fuq programmi ta’ studji li jwasslu għal Master’s Degree. Din l-offerta għandha l-għan li tiftaħ il-bibien għal opportunitajiet professjonali ġodda.
Tali inizjattiva tapplika għal żewġ programmi prestiġjużi li huma l-MBA in International Hospitality Management u l-Master of Arts in Heritage Interpretation.
Tal-ewwel, li qed jiġi offrut fuq bażi part-time u lezzjonijiet onlajn b’affiljazzjoni mal-Emirates Academy of Hospitality Management għal perjodu ta’ sena u nofs, għandu l-mira li jżid l-għarfien tal-gradwati biex jeċċellaw fl-industrija b’akkreditazzjoni trippla.
Min-naħa l-oħra, it-tieni kors hu mmirat biex iżid l-għarfien fl-interpretazzjoni u l-preżentazzjoni tal-wirt kulturali, fejn l-istudenti jistgħu jiksbu wkoll liċenzja ta’ gwida turistika professjonali fi żmien tliet snin. Il-lekċers ukoll isiru onlajn bi żjarat fuq il-post nhar ta’ Sibt.
Minbarra dan, l-istudenti jistgħu jibbenefikaw mill-iskema tal-Gvern fejn jirċievu sa sebgħin fil-mija rifużjoni tat-taxxa fuq il-bqija tal-miżata tal-kors.
Applikazzjonijiet diġà miftuħin fuq is-sit uffiċjali – its.edu.mt.