Spiss nisimgħu fuq il-bżonn li studenti b’abbiltajiet differenti jkunu dejjem aktar inklużi fis-soċjetà u jingħataw opportunitajiet daqs studenti oħrajn.
Dan il-kliem li ħafna drabi jkun fuq il-karta se jsir realtà permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn il-Malta Trust Foundation u l-Iskola tal-Mużika.
Fil-fatt, mal-mitt tifel u tifla b’diżabilità jew sfidi diversi se jingħataw l-opportunità jisfruttaw il-potenzjal ta’ diversi talenti mużikali li jista’ jkollhom fiċ-Ċentru Villabianca għall-Mużika u l-Arti li se jiftaħ il-bibien tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan iċ-ċentru f’Birkirkara huwa l-ewwel tat-tip tiegħu f’pajjiżna li fih se jiġu offruti lezzjonijiet u terapija bil-mużika li timla l-vojt li jkunu esperjenzaw dawn l-istudenti f’ħajjithom minħabba d-diżabilitajiet tagħhom. B’dan il-mod, huma se jiskopru l-abbiltajiet mużikali tagħhom u jgawdu mill-kuntentizza li kapaċi toffri l-mużika.
B’dan il-ftehim, iż-żewġ naħat se jikkoperaw fuq bosta inizjattivi biex jappoġġjaw tfal li m’għandhomx aċċess għall-mużika u l-arti.
Il-lezzjonijiet f’dan iċ-ċentru se jitmexxew taħt id-direzzjoni tal-pjanista u terapista tal-mużika, Rosetta Debattista.
Il-President tal-Malta Trust Foundation, Marie-Loiuse Coleiro Preca saħqet li “Se tkun esperjenza ta’ mużika imma wkoll esperjenza ta’ tagħlim jiġifieri din hija mixja. Dawk it-tfal li se jkollhom aktar potenzjal imbagħad, se nkunu qed nippreparaw biex ikunu jistgħu jidħlu fil-mainstream, jiġifieri jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Mużika.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana qalet li edukazzjoni ta’ kwalità tfisser li l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs ikunu strumentali fit-tagħlim li jingħata lit-tfal tagħna. “Diġà kellna madwar mija u erbgħin talba minn tfal biex jattendu għal dan is-servizz. Hija xi ħaġa nkoraġġanti ħafna u rridu nkomplu nibnu biex inkomplu nagħtu edukazzjoni inklussiva u ekwa għal kulħadd.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet intemmet b’melodija grazzjuża li ndaqqet minn pjanista bl-awtiżmu.
Tfajla li hija eżempju ċar tat-talent artistiku li qed ikun imfittex li jiġi sfruttat permezz ta’ dan il-ftehim.