Biex jinkiseb finanzjament mill-UE għal Għawdex li jmur lil hinn minn dak li diġà ngħata lil Malta taħt ir-regoli tal-baġit tal-UE, huwa importanti li jiġu stabbiliti inizjattivi li jinvolvu għadd ta’ gżejjer minn stati membri oħra tal-UE, qal l-MEP Laburista Alfred Sant. Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex talbet dil-laqgħa biex tkun diskussa l-kooperazzjoni bejn l-MEP Malti u l-uffiċċju tiegħu f’Għawdex għal promozzjoni tal-inizjattivi tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex fl-UE.
Il-membri tal-Kamra tal-Kummerċ enfasizzaw il-ħtieġa ta’ ideat ġodda li jimbottaw ’il quddiem inizjattivi li jistgħu jiġġeneraw negozji ġodda fil-gżejjer żgħar tal-UE. Huma enfasizzaw l-impenn tagħhom li joħolqu proposti li jinvolvu numru ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju minn gżejjer oħra tal-UE.
L-MEP Malti spjega li l-proċeduri tal-UE jiġu segwiti b’mod strett meta jkun hemm ideat ġodda ta’ investiment. Dr Sant qal li l-biċċa l-kbira tal-proċeduri segwiti mill-Kummissjoni Ewropea mhumiex iddisinjati għal gżejjer żgħar bħal dawk ta’ Għawdex u ta’ Malta.
“Għalhekk għandha tingħata attenzjoni sħiħa biex jiġi żgurat li l-proġetti li jagħmlu sens għal Għawdex jiksbu l-appoġġ meħtieġ”, enfasizza Sant.
Dr Sant spjega kif dan diġa` seħħ permezz ta’ proġett ta’ enerġija nadifa għal gżejjer tal-UE li tnieda bl-inizjattiva tiegħu flimkien ma’ MEPs oħra mill-Kroazja, Sqallija u Sardenja. Dan il-proġett issa ġie addottat mill-Kummissjoni Ewropea b’impenn baġitarju ta’ €10 miljuni għal proġett pilota.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija enfasizzat l-importanza li dejjem titjieb il-konnettivita` bejn il-gżejjer u l-kontinent Ewropew. Minbarra l-proġett tal-mina, il-faċilitajiet tal-Gozo Channel għandhom jingħataw l-istess importanza bħal infrastruttura bażika permezz ta’ investiment ġdid, l-istess bħal kif ingħata l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul is-snin.
Għodda finanzjarji Ewropej li jistgħu jgħinu n-negozji żgħar u medji u s-suq tax-xogħol ta’ Għawdex ukoll ġew diskussi fil-laqgħa.
25% ta’ dawk li jaħdmu jinżlu Malta għax il-kundizzjonijiet tax-xogħol huma aħjar.
Bħalissa l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex għandha l-presidenza ta’ INSULEUR (għaqda tal-kmamar tal-kummerċ u l-industrija tal-gżejjer tal-UE). Is-segwitu ta’ din iż-żjara se jseħħ fi Brussell f’Jannar 2019 permezz ta’ delegazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex.
Attendew għal-laqgħa s-Sur Joseph Borg (President), Michael Galea (Viċi-President) u l-membri tal-Kunsill Peter Paul Hili, Dr Jonathan Mintoff, Andrew Zammit u Jack Thewma (Office Manager).