“L-Oppożizzjoni għandha l-ardir u l-wiċċ li tikkritika l-Ministru għall-Finanzi talli qal li ħadd m’għandu jiżgiċċa u jħallas it-taxxa”.
Hekk beda l-editorjal tal-ħarġa tal-Ġimgħa, ta’ The Malta Independent.
Bit-titlu ‘Tax collection and PN populism’, l-editur tal-Independent innota l-attakk li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq il-Ministru Clyde Caruana wara li nqabad li David Thake ma ħallasx qrib il-miljun ewro f’VAT u l-Kap Bernard Grech ma kienx ħallas eluf ta’ ewro f’taxxi dovuti fuq medda twila ta’ żmien u ħallas biss wara li qal li se joħroġ għal Kap Nazzjonalista.
L-editur innota li l-argument tal-Partit Nazzjonalista huwa patetitiku u ż-żmien kien ħażin.
Dan b’referenza li l-attakk mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista sar fl-istess żmien li ħarġet is-saga ta’ Thake.
Fl-editorjal ġie rrimarkat li flok l-Oppożizzjoni ngħaqdet mal-Gvern u appellat biex kulħadd iħallas it-taxxi dovuti, ħadet it-triq populista.
“Il-Gvern introduċa ruxmata miżuri t’għajnuna fosthom id-differiment tat-taxxa imma t-taxxa xi darba trid titħallas u l-ħlas tat-taxxa ma jistax jibqa’ jiġi pospost għall-eternità”, intqal fl-editorjal, li fih l-Oppożizzjoni ngħatat ċamata talli mhux tkun vuċi waħda mal-Gvern fuq hekk.
Fost l-ewlenin li attakkaw wara d-diskors ta’ Clyde Caruana fil-Parlament biex kulħadd iħallas dak dovut, kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li nqabad li ma kienx iddikjara d-dħul tiegħu ma’ tat-taxxa għal numru ta’ snin.
Fost oħrajn imbagħad, f’waħda mid-dikjarazzjoni tat-taxxa li kien daħħal, Jason Azzopardi qanqal dubji kbar wara li kien qal li ma qala’ xejn mill-professjoni legali, anki jekk hu magħruf bħala Avukat imqabbad.
Din id-dikjarazzjoni bidilha wara u qal li qala’ xi sold jew tnejn, meta ħadem t’Avukat.