Tweġiba li d-Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista bagħat lill-orizzont tikkonferma li Ryan Callus kien ivvota favur politika li tinkludi l-Imrieħel fost is-siti magħżula għal bini għoli.
Fl-aħħar jiem id-deputat Callus, li huwa rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fuq l-Awtorità tal-Ippjanar, ħareġ qatta bla ħabel kontra permess li ngħata biex żona mitluqa fl-Imrieħel tkun riġenerata bi proġett ta’ bini għoli. Dan b’investiment ta’ iktar minn sebgħin miljun ewro mill-gruppi Tumas u Gasan.
Fit-tweġiba ntqal li Callus ivvota b’riserva. Iżda din ir-riserva jirriżulta li ma tinstab imkien. Il-vot fuq il-politika nazzjonali magħrufa bħala ‘Floor Area Ratio’ ittieħed sentejn ilu u Callus, li kien diġa’ qed jirrappreżenta lil Simon Busuttil, ivvota favur.
Ta’ Callus mhix l-ewwel każ fejn ħarġet inkonsistenza minn ħdan il-Partit Nazzjonalista fuq bini għoli. Fl-aħħar sigħat, l-eks kunsillier f’Tas-Sliema, Cyrus Engerer żvela kif il-Partit Nazzjonalista kien talab il-kunsillieri tiegħu jappoġġjaw proġett ta’ bini għoli f’Tas-Sliema.
“Il-PN kien tana telefonata biex nivvotaw favur il-bini high rise,” kien ikkwotat jgħid Engerer fuq is-sit one.com.mt.