Minn mużika klassika għal dik kontemporanja. Din hija t-tiżwiqa li wieħed jista’ jgawdi minnha jekk jattendi l-kunċert tat-tenur Joseph Calleja ta’ din is-sena. Se jkunu Antonello Venditti u Suzanne Vega, ż-żewġ kantanti barranin li din is-sena ser jakkumpanjaw lil Joseph Calleja fil-kunċert annwali tas-Sajf li ġej. Kunċert li se jsir fit-tmienja u għoxrin ta’ Lulju fuq il-fossos tal-Furjana.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn waranofsinhar, fejn għal darboħra bi ftehim mal-Awtorita’ tat-turiżmu, intqal li l-pubbliku se jkun jista’ jsegwi l-kunċert bilwieqfa mingħajr ħlas. Minbarra l-kantanti ta’ fama internazzjonali, ser ikunu mistiedna wkoll kantanti Maltin bil-għan li l-kunċert ikompli jippromwovi t-talent Malti. Ser jieħu sehem ukoll il-kor ta’ Joseph Calleja flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali mmexxija mill-Maestro Steve Mercurio.
Fid-diskors tiegħu, t-tenur Joseph Calleja qal li jqis dan il-kunċert bħala l-qofol tal-istaġun mużikali tiegħu. Min-naħa tiegħu, Michael Piscopo mill-awtorita’ Maltija tat-turiżmu, qal li l-awtorita’ temmen li dan il-kunċert jiġġenera interess lokali u internazzjonali kemm fix-xena kulturali Maltija.