Alex Perici Calascione, teżorier tal-Partit Nazzjonalista, qed jikkundisra bis-serjetà li jikkontesta t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Hu ddikjara dan mal-maltatoday, ftit tal-jiem wara li l-avukat Adrian Delia ħabbar li se jkun kandidat u d-deputat Chris Said ikkonferma wkoll li se jitfa’ ismu fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Calascione, li kkontesta l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u ma kienx elett, qal li qed jikkunsidra bis-serjetà għax kien avviċinat minn numru ta’ nies fl-aħħar ġimgħat li qalulu biex jieħu bis-serjetà din il-possibbiltà.
“Hekk se ngħamel fil-jiem li ġejjin,” qal Perici Calscione. Perici Calascione qal li hu impenjat mal-Partit Nazzjonalista u kull min hu interessat f’din il-kariga għandu jħares lejha b’responsabbiltà massima.
Perici Calascione għandu 55 sena u huwa t-tielet avukat li ddikjara li qed jikkunsidra t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar snin serva ta’ teżorier fid-Dar Ċentrali u mal-President tal-Eżekuttiv, Ann Fenech, kien il-moħħ wara l-iskema ċedoli li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista kien qed idaħħal self sigriet.
L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista se ssir f’Settembru u se tkun maqsuma f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi l-membri tal-Kunsill Ġenerali jivvotaw u jgħażlu żewġ kandidati filwaqt li fit-tieni fażi jivvotaw it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
B’hekk se jkun sajf qalil għall-attivisti tal-PN li bil-partit maqsum saħansitra minn qabel l-elezzjoni ġenerali issa għandhom tellieqa għat-tmexxija li kollox jindika li xejn mhi se tkun tellieqa bejn il-ħbieb.