Kienu ħafna dawk li nħasdu bil-mewt għal għarrieda ta’ Emanuel Micallef, magħruf bħala DJ Lito, li tilef ħajtu lbieraħ f’inċident ikrah bil-karozza.
Deo Grech, DJ, qalilna li jafu lil Lito bħala persuna li tħobb il-mużika Rock.
“Ftit tas-snin ilu sirt nafu mill-qrib hekk kif kien f’relazzjoni ma’ ħabiba tal-qalb tiegħi. Hemm sirt naf kemm kien raġel ta’ qalb tajba. Kien il-bastun li fuqu kienet isserraħ ommu li kien jgħix magħha l-Birgu. Kellu għal qalbu ħafna lil din il-belt fil-Kottonera u ironikament tilef ħajtu ftit passi biss bogħod mill-Birgu.”
Grech qal li Lito kien joħroġ minn triqtu biex jgħin lil ta’ madwaru.
“Kien rispettat ħafna mir-‘rockers’ lokali u tista’ tgħid li dawk kollha li xi darba ltaqgħu miegħu baqgħu jirrispettawh u nħasdu sew ilbieraħ meta tħabbret il-mewt tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, Louis Vella qal li lil Dj Lito kien ilu jafu s-snin u jiftakru bħala kollega wkoll f’One Radio. “Dejjem kien bniedem ċajtier, kultant xi ftit kontroversjali ukoll, anke bata minħabba kummenti li għadda però, il-Lito kien kapaċi hafna fuq xogħlu specjalment fil- ġeneru mużikali favorit tiegħu – il mużika rock.”
Fi kliem Vella huwa kien jippromwovi ħafna x-xena lokali u mbotta diversi bands lokali. Huwa qal li se jinħass sew in-nuqqas tal-Lito
Sharon Camilleri Cachia, dilettanta tar-Rock, qalet li lil Lito ilha tafu minn żmien Tignè – il-mekka tal-mużiċisti rock fi snin tmenin. “Sirt nafu lejn l-aħħar ta’ dik l-era u ftit wara spiċċajna fl-istess klikka.
“L –argumenti waqt xi BBQ, campings ma kinux jonqsu. Fuq kollox kien jaf jitkellem. Jiena u hu konna l-iktar li nizzikaw lil xulxin. Konna nilletikaw fuq liema huma l-aqwa grupp u anke fuq il-ħajja soċjali ta’ dawk iż-żminijiet.”
Camilleri Cachia qalet li għadha tiftakar mumenti ħelwin meta kien jaqbad il-kitarra u jkanta bil-Malti xi diska li jkun ivvinta dak il-ħin stess. “Jagħmillek xi lejl għaddej biha u konna nispiċċaw naħbulu l-kitarra biex jieqaf u jħallina norqdu.”
Għalkemm wara ħafna snin kulħadd beda jieħu triqtu, xorta waħda bħala klikka baqgħu jżommu kuntatt u jiltaqgħu f’kull attività rock li jsiru minn żmien għal żmien.
“Dawk li bħali qegħdin f’din ix-xena, żgur li ser jħoss in-nuqqas tiegħu. Kelma ma kienx iżommha però dejjem kont tkun taf fejn qiegħda miegħu. Kien ġenwin u ser inħossu n-nuqqas tiegħu.”