Sab pakkett flus b’madwar €3,000 fih u żammu għalih sakemm bdew jistaqsu għaih. Ta’ dan, eks impjegat tal-Gozo Channel kien ikkundannat 50 siegħa xogħol fil-komunità.
L-eks ticket collector, Joseph Portelli ta’ 62 sena mill-Qala sab envelopp bil-flus fuq karru tal-bagalji li kien qed juża impjegat ieħor. Dan tal-aħħar informa lil sħabu li kienu sabu l-flus u li dawn sparixxew.
Sagħtejn wara, Joseph Portelli irritorna l-flus, li ġabhom mill-karozza tiegħu bl-envelopp għadu siġillat, u qal li kienet ċajta.
Il-Maġistrat Joe Mifsud kien iebes fi kliemu fil-konfront tal-kumpanija Gozo Channel, u qal li l-kumpanija għandha timxi l-istess fejn jidħol kull każ ta’ serq, ħaġa li jemmen bħalissa mhux issir. Iċ-chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina xehed li dak li għamel l-akkużat kienet ċajta goffa u deherlu li kellha tittieħed azzjoni interna. Il-Maġistrat wieġeb li każ bħal dan, li jinvolvi reat, m’għandux ikun deċiż miċ-chairman.