Il-ġenituri mixlija li ttorturaw lit-13-il wild tagħhom f’Kalifornja wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Dan fl-aħħar żviluppi b’rabta mal-każ li aktar kmieni din il-ġimgħa ħasad u xxokkja lil bosta, meta l-koppja ġiet arrestata mill-Pulizija wara li din tal-aħħar sabet lit-tfal miżmuma ostaġġi f’darhom stess. Ingħad li wħud minnhom kienu marbuta mas-sodod bil-ktajjen u katnazzi fi kmamar mudlama.David Allen Turpin ta’ 57 sena u Louise Anna Turpin ta’ 49 sena, tressqu l-Qorti akkużati b’tortura, abbuż u li poġġew lil uliedhom fil-periklu.
Huma kienu arrestati wara li waħda mit-tfal, tifla ta’ 10 snin, irnexxielha taħrab u ċemplet l-emerġenza minn fuq mowbajl li sabet fid-dar.
It-tfal tal-koppja għandhom bejn sentejn u 29 sena u meta nstabu kienu f’kundizzjoni ħażina ta’ saħħa tant li kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura.
Fost id-dikjarazzjonijiet xokkanti li ħarġu fil-Qorti hemm:
- It-tfal kienu qed jiġu msawta b’mod regolari
- Il-ġenituri kienu jħallu lil uliedhom jinħaslu darba fis-sena biss
- It-tfal kienu jibqgħu mqajma l-lejl kollu u jorqdu matul il-jum
- Iċ-ċkejknin ma kinux jitħallew jilagħbu bil-ġugarelli
- Jekk it-tfal kienu jaħslu idejhom kienu jiġu kkastigati
- It-tfal kienu jitħallew jieklu darba biss matul il-jum iżda l-ġenituri ġieli kienu jixtru l-ikel u jħalluh f’post fejn uliedhom ikunu jistgħu jarawh iżda ma jikluhx
- Qatt ma marru għand dentist
- Qatt ma marru għand tabib f’dawn l-aħħar 4 snin
- It-tfal għandhom nuqqas t’għarfien bażiku dwar il-ħajja