Il-Ministru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, ċaħad allegazzjonijiet tal-blogger Daphne Caruana Galizia, li fi blog allegat li somom kbar ta’ flus għaddew f’kontijiet bankarji ta’ Hearnville Inc u kumpaniji oħra.
Hi allegat ukoll li f’Settembru 2015, Mizzi mar fl-uffiċċju ta’ Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex. “Dawn l-allegazzjonijiet huma foloz,” intqal fi stqarrija bi spjegazzjoni skjetta.
“Ebda somma flus qatt m’għaddiet lil Hearnville Inc. Filfatt, Hearnville Inc qatt ma kellha kont bankarju,” kompla jkun spjegat fl-istqarrija ta’ Mizzi. “Daphne Caruana Galizia qed tigdeb sfaċċatament,” kompla jingħad.
L-istqarrija għamlet ukoll referenza lejn kif waħda mill-ikbar kumpaniji ta’ awditjar fid-dinja, Croww Horwath, għamlet audit tal-kumpanija tiegħu u t-trust fi New Zealand u din ikkonfermat dak li kien qal hu fosthom li l-istruttura li kien għamel kienet maħsuba biss bħala trust tal-familja u li ma kien hemm ebda kontijiet bankarji bħala parti mit-trust jew il-kumpanija. Kien hawn li ħabbar li se jiftaħ libell ukoll u se jitlob li jinstema’ b’urġenza.
Talba li se jgħamilha wkoll iċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, li wkoll ċaħad l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia u ħabbar li se jiftaħ libell.