“Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jiċħad kategorikament l-akkużi infondati mressqa mill-Oppożizzjoni, li sostniet li dan il-Gvern naqqas jew waqqaf is-servizz tal-Home Help. Is-servizz baqa’ jingħata b’mod konsistenti u kull każ fuq lista ta’ stennija jirreferi għall-proċess ta’ evalwazzjoni professjonali biex ir-riżorsi jingħataw lil dawk intitolati.”
Il-Ministeru kien qed jirreaġixxi għal stqarrija ppubblikata mill-PN aktar kmieni llum fejn allega li xi anzjani twaqqfilhom ħesrem is-servizz.
Iċ-ċifri li semmiet l-Oppożizzjoni jirreferu għal każijiet pendenti mill-Bord tal-Appelli, mhux każijiet fejn is-servizz twaqqaf. F’każijiet fejn ikun hemm reviżjoni, dan isir fuq deċiżjoni professjonali li tassigura li r-riżorsi jiġu allokati b’mod ġust u trasparenti, skont il-ħtiġijiet reali tal-applikanti. Barra minn hekk, din il-lista tal-appelli mistennija tiġi eliminata kompletament fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Gvern mhux biss żamm dawn is-servizzi iżda saħħaħhom b’mod sinifikanti, u dan jirrifletti l-impenn ċar li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani f’pajjiżna. Għal din is-sena, il-budget rekord ta’ iktar minn €300 miljun għall-Anzjanità Attiva, inkluż żieda għal €3.5 miljun għall-Home Help, huwa prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex joffri servizzi ta’ livell għoli.
Riċentement, saru diversi investimenti kbar biex jissaħħu s-servizzi għall-anzjani. Fosthom il-ftuħ mill-ġdid wara tisbiħ radikali taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva tal-Mosta, kif ukoll il-ftuħ ta’ ċentri ġodda fil-Marsa, il-Fgura, il-Belt Valletta u l-Isla. Barra minn hekk, il-Gvern nieda inizjattivi ġodda bħaż-żieda fil-finanzjament tal-iskema tal-Carer at Home u l-estensjoni tas-servizz tal-CommCare, li issa se jkopri aktar ħinijiet sabiex jilqa’ għaż-żieda fid-domanda.
Dawn l-investimenti mhumiex biss ċifri iżda juru biċ-ċar l-impenn tal-Gvern li jkompli jpoġġi l-ġid tal-anzjani fil-qalba tal-politika tiegħu, b’attenzjoni partikolari fuq servizzi li jippromwovu indipendenza, inklużività, u appoġġ personalizzat, anke quddiem sfidi dejjem jikbru fid-domanda għal dawn is-servizzi.