Iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo, ħareġ kontra l-miżura tal-Gvern li permezz tagħha qed jassigura li, minkejja l-pressjonijiet ikkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna, il-kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji kollha ma jogħlewx.
Kien b’riżultat ta’ din il-politika tal-gvern immexxi minn Robert Abela li, filwaqt li f’bosta pajjiżi oħra l-ekonomija għotrot u l-kontijiet sparaw ’il fuq b’rati allarmanti, f’Malta l-kontijiet baqgħu stabbli għal kulħadd.
Dan ikkontribwixxa qatigħ biex l-ekonomija kompliet tikber u, konsegwentement, baqgħu jinħolqu l-postijiet tax-xogħol u l-ġid, li minnu jgawdi kulħadd.
F’artiklu ta’ opinjoni fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday, Cacopardo rrimarka li, bil-mod kif qed jimxi f’dan ir-rigward, il-Gvern qed jieħu l-eħfef triq u jberbaq il-fondi pubbliċi b’mod indiskriminat.
Huwa kiteb li ma jarax raġuni għaliex il-Gvern għandu jibqa’ jkun ta’ spalla għal kulħadd, irrispettivament minn kemm dak li jkun jikkonsma dawl. Dwar is-sussidju għan-negozji u l-postijiet tax-xogħol, huwa qal li wieħed irid jerġa’ jħares lejn is-sistema biex jiġi determinat jekk is-sussidji humiex raġonevoli u jekk il-kaxxa ta’ Malta tiflaħx għalihom.
“Mhux aċċettabbli li jingħataw sussidji totali għal medda twila ta’ żmien fuq l-enerġija u l-ilma għal użu mhux residenzjali,” kiteb Cacopardo.
Il-pożizzjoni ta’ Carmel Cacopardo ħarġet wara li Bernard Grech għamilha ċara aktar minn darba li jemmen li li s-sussidju li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija għandu jieqaf għax, skontu mhux sostenibbli. Din il-pożizzjoni tennieha wkoll id-deputat Nazzjonalista Chris Said.
Fi żmien il-gvern ta’ GonziPN, li Bernard Grech tant għandu nostalġija għalih u li jirreferi għalih ripetutatament, quddiem kriżi internazzjonali ferm iċken min tal-lum għażel li jħalli s-suq isuq u tefa’ l-piż tal-prezzijiet tal-elettriku fuq in-nies billi għolla l-kontijiet.