Fost il-kumpaniji li jissemmew fil-lista ta’ Panama Papers ippubblikata llejla hemm dawk li għandhom l-involviment ta’ Richard Cachia Caruana u Francis Zammit Dimech. EMD advisory service taġixxi ta’ intermedjarju għal 72 kumpanija.
Din il-kumpanija ta’ oħt Richard Cachia Caruana għandha lill-istess Caruana bħala konsulent tagħhha kif jiddikjara hu nnifsu. Il-kumpaniji li tagħhhom hija intermedjarju EMD Trust Services huma kollha fil-British Virgin Islands, post meqjus bħala tax haven. EMD huma azzjonisti wkoll fi tnax –il kumpanija fil-British Virgin Islands. Intant, il-kumpanija legali ta’ Francis Zammit Dimech tissemma bħala intermedjarju. Zammit Dimech mhux biss ilu fil-Parlament diversi snin imma huwa wkoll eks Ministru Nazzjonalista.
Involuta wkoll il-kumpanija Fenlex, li fiha hemm il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalisti Ann Fenech. Din tikkonferma tagħrif żvelat fl-aħħar xhur dwar kif din serviet bħala intermedjarju għall-kumpaniji li ma nafux minn hemm warajhom.
Jissemma wkoll Louis Farrugia ċermen ta’ Farsons Group u direttur ta’ Allied Group li jippubblikaw it-Times of Malta. Fi stqarrija rrapporta fuq Times of Malta, Farrugia qal li fetaħ il-kumpanija biex jamministra proprjeta li għandu fir-Renju Unit. Qal li dan il-parir tatulu kumpanija rinomata f’Londra u l-kumpanija ma ntużat għall-ebda skop ieħor.
Fil-lista wkoll l-eks Ministru Nazzjonalista, Ninu Zammit. Il-kumpanija tiegħu Fiveolive Services Ltd, twaqqfet minn Mossack Fonseca fi Frar 2005 fil- British Virgin Islands u ngħalqet fl-2015 wara li kien żvelat li kien ukoll fi Swiss Leaks.
Jissemma wkoll l-isem Antonio Depasquale. F’dan l-istadju għad mhux magħruf jekk dan hux l-istess persuna li kien Kap Eżekuttiv tal-BOV u li lbieraħ kien żvelat li qiegħed involut f’kumpaniji fejn hemm involut ukoll l-eks Ministru Tonio Fenech.
Isem ieħor huwa dak ta’ Rueben Balzan, eks President tal-Kamra tal-Avukati, sieħeb ta’ Francis Zammit Dimech fid-ditta legali u nazzjonalist tal-qalba li nhar is-Sibt kien fil-protesta tas-soċjeta ċivili kontra l-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama.
- Hemm 714 il-kumpanija marbuta ma’ Malta fil-lista ta’ Panama Papers ippubblikata mill-konsorzju internazzjonali tal-ġurnalisti investigattivi. Il-lista tmur lura għadd ta’ snin. Is-714 kumpanija infetħu minn 49 intermedjarju. Malta hija t-tmien pajjiż fl-Unjoni Ewropea li l-iktar għandhom persuni fuq din il-lista bl-iktar pajjiż Ewropew huwa r-Renju Unit.