Nassab Għawdxi kien immultat €3,000 wara li nqabad jonsob meta l-istaġun kien magħluq.
Fatt li diġa’ kien irrapportat, imma li issa bagħat stqarrija dwaru l-kumitat barrani CABS, filwaqt li provdew dettalji dwar ir-raġel li għandu 63 sena u huwa mix-Xagħra. Qalu li nstab ħati li nasab 13-il sponsun f’Marzu li għadda.
CABS kitbu li kienu huma li ġibdu filmat u li rrapportaw li r-raġel li kellu faċilitajiet tal-insib f’inħawi magħrufa bħala Santu Pietru.
Ikkundannaw lin-nassab li kemm-il darba kiser il-liġi b’dan il-mod. Fl-2015 huwa kien mixli b’insib illegali u kien immultat €8,000, minbarra li ttiħditlu l-liċenzja għal għomru. Madanakollu l-piena kienet ġiet sospiża u l-każ waqa’ wara li kien appellat.
“Xellef difru mal-liġi imma xorta waħda għażel li joħroġ għall-insib” – kienu l-kliem ta’ kundanna ta’ ċertu Fiona Burrows mill-CABS.
Huwa mistenni li l-Għawdxi jappella mill-ġdid.