Is-Sindku ta’ Ħal Balzan, in-Nutar Ian Spiteri, kien ċar kristall meta fil-kumitat parlamentari għall-ambjent tkellem dwar proġett infrastrutturali f’Ħal Balzan li spiċċa f’kontroversja minħabba r-rilokazzjoni ta’ żewġ siġriet.
Spiteri, li fil-Kunsill Lokali jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista, kellu pożizzjoni differenti ħafna minn tal-perit Simon Vella Linicker li fl-aħħar snin serviet ta’ konsulent tal-istess partit dwar l-ambjent.
In-Nutar qal li seta’ jippreżenta ħafna ilmenti minn residenti li ffaċjaw diffikultajiet kbar minħabba n-nuqqas tal-proġett li se jkun qed isir issa.
Saħansitra tkellem dwar kif ilu kkonsultat dwar dan iktar minn tliet snin u indika kif l-għażla kienet bejn iż-żewġ siġriet u bankina u żewġ kareġġjati tant bżonnjuża għas-sigurtà tan-nies. Minkejja dan tkellem kif kien assigurat li ż-żewġ siġar li nqalgħu xorta waħda se jitħawlu x’imkien ieħor u fisser kif saħansitra l-pariri li ngħataw kienu li hemm ċans kbir ħafna li dawn is-siġar jgħixu.