Il-Banka tad-Demm appellat għall-għajnuna hekk kif hemm bżonn urġenti għal Demm O positive. Dan hekk kif ir-riserva tad-demm O positive mhix kif mixtieqa u hemm bżonn li titla’ minnufih.
Fid-dawl li bħalissa hawn ħafna nies ma jifilħux, dan l-appell primarjament hu indirizzat lil dawk kollha li qed igawdu saħħithom, iżda ma jistax jonqos li s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ma jappellax direttament lill-familjari u lill-ħbieb ta’ dawk il-pazjenti li ser jiġu bżonn trasfużjonijiet tad-demm biex litteralment jagħtu huma l-ewwel daqqa’ t’id.
L-appell ieħor sinifikanti hu għall-sewqan bil-galbu u bil-għaqal partikolarment waqt ix-xita, b’hekk jiġu evitati nċidenti li bla dubbju ta’ xejn ikomplu jagħmlu s-sitwazzjoni preżenti iktar diffiċli.
Intant l-għoti jista’ jsir fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00 sas-18:00.
Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.