Waqt il-laqgħa bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ, Ian Borg, u l-Ministru Federali għall-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni tal-Awstrija, Karoline Edtstadler, ġew diskussi bosta suġġetti ta’ interess għaż-żewġ pajjiżi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg tkellem rigward l-aħħar żviluppi fil-kunflitt tal-Ukrajna, u spjega li Malta temmen li hemm bżonn ta’ aktar żviluppi diplomatiċi milli sforzi militari. Għal darb’oħra, reġa’ esprima s-solidarjetà ta’ Malta mal-Ukrajna u qal li pajjiżna se jkun qed ikompli jadotta s-sanzjonijiet maqbula fuq livell ta’ Unjoni Ewropea. Huwa saħaq li Malta kienet, għadha u se tibqa’ tippromwovi l-paċi biex kemm jista’ jkun malajr naraw li jintemm il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar is-suġġett tal-migrazzjoni. Huwa qal li Malta se tkun qed tibqa’ tmexxi ’l quddiem il-pożizzjoni tagħha u talab lill-Awstrija biex anke f’fora internazzjonali jkunu solidali ma’ pajjiżna u jappoġġaw mekkaniżmi differenti ta’ rilokazzjoni.
Il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar il-kandidatura ta’ Malta għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li se tkun qed tiffoka fuq tliet temi prinċipali: is-Sigurtà, is-Sostenibbiltà u s-Solidarjetà.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Karoline Edtstadler saħqet li Malta u l-Awstrija għandhom ħafna affarijiet komuni u b’hekk temmen li hemm lok biex iż-żewġ pajjiżi jintensifikaw il-ħidma bilaterali tagħhom flimkien f’bosta oqsma.
Saħqet li Malta u l-Awstrija lkoll iħaddnu l-prinċipju tan-newtralità fil-kostituzzjoni tagħhom u se jaraw li jkomplu jaħdmu favur aktar kollaborazzjoni u tisħiħ ta’ dan il-prinċipju, aktar minn qatt qabel. Il-Ministru Borg u l-Ministru Edstadler qablu li għandu jkun hemm aktar inizjattivi sabiex in-newtralità tal-pajjiżi tkompli tissaħħaħ.