Fil-Parlament il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela spjega li bħalissa l-Armata għandha nuqqas ta’ uffiċjali kkwalifikati minn akkademji navali barra l-pajjiż sabiex joperaw il-laneċ li għandha fil-pussess tagħha. Dan in-nuqqas ġie minħabba li wara l-1999, il-Forzi Armati ta’ Malta ma bagħtitx iktar uffiċjali jitħarrġu f’akkademji navali. L-aħħar grupp li kien intbagħat, kien intbagħat ġewwa l-Germanja fl-imsemmija sena. Sussegwentament il-Forzi Armati ta’ Malta bdiet tħarreġ il-membri tagħha jew internament jew billi tibgħathom isewgu korsijiet oħra imma mhux f’akkademji navali.
Dan in-nuqqas dan l-aħħar inħass sew meta l-Forza immodernizzat sew l-assi tagħha u ma kelliex biżżejjed uffiċjali kwalifikati sabiex topera dawn il-lanec. Dan in-nuqqas issa qed jiġi rimedjat billi l-Forzi Armati ta’ Malta qed terġa tibgħat uffiċjali tagħha isegwu korsijiet professjonali f’akkademji navali ġewwa l-Irlanda u l-Italja sabiex, mill-aktar fiss possibli, timla l-imsemmi nuqqas.
Il-Ministru Abela wieġeb għal aktar mistoqsijiet mill-Onorevoli Silvio Schembri, fosthom kemm żdied fis-salarju membru tal-Forzi Armati ta’ Malta, jekk qabel ma kienx jitħallas għas-snajja li kellu u issa qed jitħallas tal-għola snajja li għandu, flimkien maż-żieda f’dik li hi msejħa l-AFM Allowance. Membru fl-Armata li per eżempju kellu l-għola klassi ta’ snajja u li ma kienx jitħallas tagħha minħabba li qabel kienet bil-kwota ta’ kemm jitħallsu nies, issa żdied sa massimu ta’ €899.54 fis-sena, li jinkludi wkoll iż-żieda f’dik l-imsejħa AFM Allowance. Dan jiddependi mil-livell ta’ snajja li membru tal-Forzi Armati ta’ Malta għandu u ta’ xiex qabel kien jitħallas.
Il-Ministru qal li matul dawn l-aħħar tlett snin il-Forzi Armati ta’ Malta għamlet avvanz kbir fejn jidħol taħriġ, zviluppar u kwalifiċi għall-membri tagħha. Bħala taħriġ il-Forzi Armati ta’ Malta diġa żdidilha l-fond relatat b’ħamsin elf ewro fis-sena. Il-Forza għamlet titjib sostanzjali u nvestiet sew fl-iskola nterna tagħha u qed isir issa programm strutturat annwali ta’ taħriġ.
Il-Forzi Armati ta’ Malta irrevediet diversi programmi u kontenut ta’ programmi ta’ taħriġ ħalli dan ikun jirrifletti iktar il-b¿onnijiet u ż-żminijiet ta’ llum. Reġgħu bdew jintbagħtu kadetti f’akkademji navali barra l-pajji¿, ħalli tiġi risolta l-problema ta’ nuqqas ta’ uffiċjali kwalifikati fl-imsemmi qasam. Iddaħħlu wkoll korsijiet ta’ tmexxija relatati ma’ promozzjonijiet u li jirriflettu r-responsabbiltajiet ġodda li membri tal- Forzi Armati ta’ Malta ikunu ser jokkupaw.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalifiċ,i il-Forza għamlet arrangamenti u diskussjonijiet fit-tul man-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE) sabiex ċertu korsijiet li qed isiru ikunu rikonoxxuti skont il-livelli li din il-Kummissjoni tirrikonoxxi. Diġa ġie rikonoxxut it-taħriġ relalat ma’ reklutaġġ ta’ suldati ġodda u dan f’livell tlieta. Bħalissa għaddejin diskussjonijiet finali sabiex jiġu rikonoxxuti wkoll korsijiet oħra bħal korsijiet ta’ kmand marbut mal-promozzjonijiet, kif ukoll korsijiet għal dawk li jkunu qed jippreparaw sabiex isiru uffiċjali bil-kummissjoni.
Bdiet ukoll tibgħat diversi membri tagħha isegwu korsijiet f’istituzzjonijiet rikonoxxuti esterni, bħall-MCAST, Transport Malta u l-ITS f’ċertu ħiliet marbuta max-xogħol tal- Forzi Armati ta’ Malta, u dan minflok mal-kors isir internament. Dan qed jassigura l-għola livelli kif ukoll kwalifika rikonoxxuta f’kwalunkwe mpjieg ieħor għall-membru.
F’dawn l-aħħar tliet snin, il-Forzi Armati ta’ Malta ibbenefikat minn €38,441,587 u ġew assigurati €51,100,000 minn fondi Ewropej għal diversi proġetti.