Waqt żjara f’pajjiżna, ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja Ghassan Salame, saħaq fuq il-bżonn li tinstab soluzzjoni politika kemm jista’ jkun malajr fil-Libja.
Biswit il-Ministru Malti Carmelo Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Salame nnota b’dispjaċir l-imwiet fil-Libja fl-aħħar xhur, inkluż ta’ tliet kollegi tiegħu din il-ġimgħa stess f’Benghazi.
Huwa nnota r-relazzjoni b’saħħitha li dejjem tkattret bejn Malta u l-Libja, primarjament minħabba l-pożizzjoni ġeografika taż-żewġ pajjiżi.
Huwa rrikonoxxa l-irwol importanti ta’ Malta fil-fora Ewropea, u apprezza kull għajnuna li pajjiżna lest jagħti.
Spjega li l-kunflitti fil-Libja fl-aħħar xhur wasslu biex intilfu mijiet ta’ ħajjiet, u qal li bħalissa dan il-pajjiż mhuwhiex sigur, iddominat minn gwerra, traffikar tal-umani u trattament ħażin lill-immigranti.
“I hope that next week we will go back to the political process as more and more people understand that a military solution to a problem like the Libyan problem is just an illusion.”
Il-Ministru Carmelo Abela qal li Malta lesta tagħti l-appoġġ kollu tagħha lill-Ġnus Magħquda u lil-Libja, b’mod partikolari billi f’laqgħat ma’ Ministri Ewropej oħra, iżżomm il-kriżi fil-Libja fuq l-aġenda, bil-għan li kulħadd jagħti sehmu ħalli ma tingħatax il-ġenb.
“Aħna nagħtu s-sapport tagħna kif huwa mitlub minna min-naħa tal-Ġnus Magħquda u noffru wkoll is-servizzi tagħna anki bħala pajjiż biex jekk ikun hemm bżonn jew talba, aħna nkunu nistgħu nospitaw laqgħat ġewwa pajjiżna.”
Għalkemm hija kriżi umanitarja fost l-aktar imdemmija, Salame stqarr li huwa fiduċjuż li l-partijiet kollha fil-Libja jirrealizzaw li l-ġlied u l-armi mhumhiex soluzzjoni, u jerġgħu lura għan-negozjati, bil-għan li tinstab soluzzjoni politika.