Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella għal regoli b’saħħithom fiż-żmien li l-ekonomiji Ewropej qed iqumu fuq saqajhom. Dan waqt li ndirizza is-seba’ Cohesion Forum fi Brussell, Forum li ħares lejn l-investiment li sar biex jiżdiedu l-impjiegi, jissaħħu n-negozji u jkun hemm tkabbir ekonomiku.
Il-Prim Ministru qal li l-politika ta’ għaqda hija marbuta mal-idea li l-Ewropa turi iktar solidarjetà u għandha tkun fil-qalba tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea fl-interess taċ-ċittadini. Dan permezz ta’ politika li tkun mfassla b’ta’ li mod li taffetwa l-ħajja ta’ kuljum filwaqt li jgħola l-kwalità tal-istil ta’ ħajja madwar il-kontinent Ewropew.
“L-għan ewlieni tal-politika t’għaqda għandu jkun l-assigurazzjoni li ħajjet iċ-ċittadini tkun f’qagħda aħjar u dan sa minn qabel jintemm programm ta’ fondi” sostna l-Prim Ministru filwaqt li żied li dan l-għan għandu jmur lil hinn mid-diversità ekonomika fost l-istati membri.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li pajjiżna ikkontribwixxa sew għal din il-politika u dan permezz ta’ bidliet fir-regoli biex ikun iggarantit għajnuna addizzjonali lill-istati membri affetwati minn diżastri naturali fejn l-Unjoni Ewropea turi x-xewqa li tkun ta’ spalla għaċ-ċittadini tagħha.
Il-viżjoni għall-politika t’għaqda qal il-Prim Ministru għandha tkun dik li jkunu milħuqa n-neċessitajiet tal-komunitajiet u dan billi opportunitajiet jinbidlu fi prosperità u li jkun appoġġ lejn proġett strateġiċi ewropej . Irrimarka li l-viżjoni tiegħu hi li r-regoli jkunu s-simplifikati, b’inqas burokrazija biex jibbenefikaw kemm in-negozji u l-komunitajiet.
Joseph Muscat temm jgħid li fl-aħħar mill-aħħar irid ikun il-gvern li joħloq ambjent ideali għall-prosperità.