“Il-pass li jmiss huwa investiment qawwi fl-insfrastruttura,” qal hekk il-President tal-Assoċċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti, MHRA, Tony Zahra dan hekk kif komplew is-sensiela ta’ laqgħat tal-Partit Laburista mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna.
Dalgħodu id-deputat mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona iltaqa’ ma’ uffiċjali tal-MHRA.
Cardona spjega kif f’dan il-proċess, il-Partit Laburista qiegħed jisma’ l-proposti tad-diversi msieħba soċjali, biex fuq il-proposti tagħhom ikun jista’ jibni manifest elettorali b’saħħtu għall-elezzjoni li jmiss.
Manifest kreattiv u innovattiv, imma anke realistiku li jkompli jibni fuq dak tal-2013, li minnu tlesta madwar 90%.
Minn naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra fakkar kif it-thassib li kellha l-assocjazzjoni qabel l-2013 giet indirizzata – iġifieri l-prezz u l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-enerġija f’pajjiżna.
Dwar il-bżonn ta’ investiment qawwi fl-infrastruttura, hu ssuġġerixxa li jinstabu metodi ġodda ta’ finanzjament għal dawn il-proġetti.
Tenna li pajjiżna issa jrid jimmira lejn kwalità aħjar, biex ikun jista’ jġib iktar dħul mit-turist li jżur pajjiżna.
Għamel referenza wkoll għal-linja nazzjonali tal-ajru, fejn sostna li għal bosta snin imxiet fuq mudell antik, u għaldaqstant waqgħet lura. Tenna li issa din teħtieġ bidla fil-mudell ta’ kif topera biex tkun tista’ tissaħħah. Dan filwaqt li tenna u saħaq fuq l-importanza tagħha għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.