Eżattament ġimgħa wara li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, f’intervista fuq ONE il-Prim Ministru Joseph Muscat, tkellem dwar il-bżonn li ssir ġustizzja iżda mhux vendikazzjoni.
Fil-fatt kien dan il-messaġġ ewlieni tiegħu f’intervista li fiha tkellem dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta, ir-reazzjonijiet li ġabet u t-triq minn issa ’l quddiem.
Spjega li “L-ewwel responsabbiltà tiegħi hi ta’ Prim Ministru ta’ pajjiż, imma wkoll lejn familti. Dak li nitlob jien bħala Prim Ministru u bħala missier mhijiex vendikazzjoni. Jien mhux interessat li nivvendika ruħi. Jien interessat fil-ġustizzja. Interessat li l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha.”
Il-Prim Ministru qal li jifhem nies li jitkellmu b’rabja iżda żied li jekk hawn xi ħadd li għandu jkun irrabjat huwa hu u martu Michelle. Qal li minkejja kollox, hu u martu qed jipprovaw iżommu l-kalma. Dan għaliex, fi kliem il-Prim Ministru stess, jekk nieħdu l-liġi f’idejna mhux ġustizzja nagħmlu iżda vendikazzjoni – il-ġustizzja biex tieħu l-kors tagħha trid tmur bl-istituzzjonijiet.”“U aħna qed nipprovaw, naħseb qed jirnexxielna, inżommu l-kalma. Għaliex? Għax jekk nieħdu l-liġi b’idejna mhux ġustizzja nagħmlu imma vendikazzjoni. Il-ġustizzja biex tieħu l-kors tagħha trid tmur bl-istituzzjonijiet. Għandek il-pulizija, li jridu jinvestigaw, għandek il-qrati li jridu jiddeċiedu, għandek l-Avukat Ġenerali… u aħna x-xogħol tagħna hu li nħallu dawk l-istituzzjonijiet jagħmlu x-xogħol tagħhom f’serenità sħiħa,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru spjega kif kienu l-avukati tiegħu li daru l-inkjesta u hu għadu ma qrahiex b’mod sħiħ.
Il-Prim Ministru spjega li “Meta mort biex naqraha u bdejt nara l-affarijiet miktuba u bdejt nifhem mill-ġdid dwar kemm kien hemm min mar distanzi twal biex jivvinta fuqi, fuq marti u l-familji tagħna onestament iddeċidejt li għadni miniex lest biżżejjed biex naqraha mingħajr ma nkun irrabjat. Jien nippreferi ma nkunx irrabjat. Għax jien irrid inżomm is-serenità tiegħi biex immexxi l-pajjiż.”
Tkellem dwar id-dettall tal-inkjesta u l-fatt li l-Maġistrat daħal sal-inqas dettall. Qal li m’hemmx dubji fl-inkesta, u li ma tista ssir ebda diskussjoni li l-Maġistrat m’għamilx xogħolu sew. Spjega kif il-Maġistrat saħansitra xejjen kull dubju dwar il-fatt li d-dokumenti setgħu inħarġu fil-bagalja, hekk kif l-inkesta saħansitra studjat dan ix-xenarju wkoll, fejn ikkonkludiet li ma nħarġu ebda dokumenti.
Intant, nnota kemm-il espert tqabbdu minn barra, biex jikkonfermaw li l-firem fuq id-dokumenti kienu foloz. Falsifikazzjoni, li għalih kienet l-aktar ħaġa xokkanti minn dak kollu ppubblikat.
Muscat qal li “Il-konklużjoni ewlenija m’hijiex li jien jew marti m’għandniex kumpanija. Għax dik konna nafuha. Imma l-konklużjoni ewlenija li xxukkjat in-nies kienet li l-karti li ġew ippreżentati xi ħadd poġġa bilqiegħda u ffalsifikahom. Xi ħadd poġġa bilqiegħda u ffalsifika firma.”
Il-Prim Ministru reġa’ tenna li l-intenzjoni tiegħu tibqa’ dik li l-inkjesta tkun ippubblikata b’mod sħiħ. Saħaq li din hija inkjesta fir-rigward ta’ Prim Ministru, li wasslet għal attentat ta’ destabilizzazzjoni tal-pajjiż. B’hekk, fi kliemu, huwa importnati li l-fatti jkunu pubbliċi.
Fil-fatt, Dr Muscat spjega li għandu sitwazzjoni mingħajr preċedent għax din hija l-ewwel darba fejn mhux se jkun qiegħed jimxi mal-parir tal-Avukat Ġenerali. Dan għax l-Avukat Ġenerali jemmen li m’għandhiex tkun ippubblikata, waqt li fisser kif hemm żewġ raġunijiet għal dan il-parir.
L-ewwel waħda hi li hemm dettalji ta’ individwi jew li jistgħu jissemmew individwi li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din il-kwistjoni. It-tieni punt iktar delikat, hu li hemm parti fejn il-Maġistrat jgħid min għandu jkun investigat u għaliex. Bl-argumenti ta’ esperti legali huwa li jekk jippubblilka dan kollu qabel l-investigazzjonijiet jkunu mxew ‘l quddiem, jaf ikunu affettwati l-investigazzjonijiet tal-pulizija.
Fil-fatt saħaq li sa’ issa għadu ma sabx avukat wieħed li tah il-parir biex jippubblika kollox, u spjega li l-iktar xenarju pożittiv preżentat lilu huwa dak li qal id- Dekan tal-Fakultà tal-liġi fejn jippubblika billi jkunu mgħottija ċerti affarijiet.
Il-Prim Ministru qal li “Issa bħala Prim Ministru rridu nieħdu deċiżjoni…. irrid noqgħod attent li ma jkunx hemm min jinqeda bija. Fuq naħa hemm l-interess pubbliku u l-interess tiegħi. Imma ejja ninsew l-interess tiegħi, għax l-interess tiegħi hu li jkun ippubblikat kollox kif inhu b’mod sħiħ /// Xorta se nippubblika. Id-deċiżjoni ħadtha. Il-kwistjoni hi l-kif u l-meta biex ma nilgħabx f’idejn min irid qattusa għaġġelija biex tagħmel frieħ għomja.”
Dwar l-involmiment tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni, l-Prim Ministru tkellem dwar kif Simon Busuttil kien jaf eżatt x’se jiġri bil-ġurnata u l-ħin.
Spjega kif kien hemm nies li qalulu kif kien qed jitkellem Simon Busuttil fil-ġimgħat ta’ qabel, fejn mhux darba jew tnejn tefa dubji dwar ta’ min hi l-kumpanija Egrant.
Fakkar kif Busuttil kien parti mill-kordinazzjoni wkoll għax minn filgħodu ta’ dakinhar li ħarġet il-gidba, sar xogħol biex ċertu nies ikunu segwiti bil-cameras.
Qal li “Kordinazzjoni sħiħa li tistenniha minn min ikun qed jipprova jagħmel xi ħaġa gravi ħafna.”
Hawn spjega kif qabel id-dibattitu ma’ Simon Busuttil f’Xarabank kienet ittellgħet karta ffabbrikata online.
Muscat qal li “Kien mument gravissimu. Wieħed kien qed jattakka l-fundamenti tad-demokrazija tagħna b’dokument falz… li joħroġ iktar minn sena wara li kien falz. Kienet ikkordinata għax Simon Busuttil kellu diġà l-karta f’idejh. Kien kollox lest.”
Il-Prim Ministru fakkar kif dakinhar tad-dibattitu hu kien qallu li qed jigdeb. Iżda llum, m’għadx hemm għalfejn jgħidlu, minħabba li issa, Malta kollha taf li gideb – ġudizzju, li ma jistax idawwar.
Fl-aħħar nett, Dr Muscat temm jgħid li l-uniku ħaġa li fadal jagħmel Simon Busuttil, biex jiġabar, hija li jwarrab mix-xena politika.