Il-kriminalità qed issir waħda moderna u hawn irridu ninvestu aktar riżorsi kemm bħala dawk umani u oħrajn bħala għodda. Hekk stqarr il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela meta mistoqsi fuq il-programm Dissett fuq il-ħidma tal-Gvern għal Korp aktar attrezzat li jindirizza l-kriminalita’ li qed tiżvolġi.
Qal kif il-Pulizija fix-xhur li għaddew diġa ingħataw għodda ta’ intelliġenza. Din qed tgħinhom fl-investigazzjonijiet tagħhom fejn l-informazzjoni li jkollhom għandhom grazzi għall-użu ta’ din l-għodda jkunu jistgħu janalizzaw b’mod aktar effiċjenti konnessjonijiet u xejriet differenti.
Abela innota wkoll li bħalissa qiegħed isir ix-xogħol preparatorju sabiex fiż-żmien li ġej tinħareġ sejħa għal professjonisti mat-taqsima kontra r-reati ekonomiċi. Hawn huwa semma’ li waħda mill-isfidi hija li bil-pagi preżenti taċ-ċivil hija diffiċli biex tattira ċertu professjonisti. Għaldaqstant qal, li l-Abbozz ta’ Liġi fuq l-Att tal-Pulizija li bħalissa qiegħed għad-diskussjoni quddiem il-Parlament, qed jara emendi ssuġġeriti li se jwassal biex ikun possibli li ċertu ħiliet li jkunu meħtieġa ma jidħlux mal-pagi taċ-ċivil. Ħaġa li l-liġi kif kienet bħalissa ma tippermettix li dan iseħħ.
Il-Ministru Abela irrimarka li dawn huma sfidi li ilna naraw fil-Korp għal snin twal, sfidi li ħaddiehor ħarab minnhom. Fi kliem il-Ministru, “f’kuntest fejn hemm attakk politiku fuq il-Korp u l-Gvern qed jipprova jwassal għal politika ġdida u jbiddel ċertu kulturi li hemm fil-Korp, flok ma hu qed isib għajnuna minn dawk li suppost għal 25 sena sħaħ għamel dan ix-xogħol, qed isib tfixkil”.
Huwa temm billi qal kif din il-ħidma hija parti minn programm ta’ riforma li diġa beda jiġi implimentat, li pero r-riżultati tiegħu wieħed ma jistax jistennihom m’illum għal għada.