L-ispiża biex jissewwa l-Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta telgħet għal iktar minn €7Miljun, id-doppju ta’ dak stmat 14-il xahar ilu.
F’konferneza tal-aħbarjiet fil-Katidral stess, iċ-Ċermen ta’ Save Valletta Skyline, Martin Scicluna, qal li waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan kienet li matul l-aħħar sentejn f’pajjiżna sploda s-suq tal-kostruzzjoni, bl-ispiża tar-restawr tiżdied biex tirrifletti l-prezzijiet reali tas-suq.
Fattur ieħor li wassal biex il-prezz jiżidied daqstant, huwa li meta l-ispejjeż ġew stmati mill-għaqda mhux governattiva, dawn ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni teknika ta’ xi ħsarat jeżistu. Is-Sur Scicluna spjega li meta imbagħad daħlu, u studjaw xi ħsarat hemm irrealizzaw li l-ispiża hija ferm ikbar.
Minn naħa l-oħra, huwa qal li t-talba pubblika għall-ġbir ta’ fondi kienet waħda pożittiva ferm, hekk kif inġabru miljun ewro mingħand mijiet ta’ donaturi privati. Fost dawn hemm anke l-Prinċep Charles.
€1.2Miljun oħra inkisbu minn fondi Ewropej, biex issa l-fondazzjoni ġabret żewġ miljuni u mitejn elf.
Il-Katidral Anglikan jinsab fil-qalba ta’ żona li l-Gvern wiegħed, u alloka €24Miljun biex jirriġenera.