F’pajjiż fejn il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabilità jew ġeneru qed tisaħħaħ, qed ikunu kontinwament minsija parti mis-soċjeta li għalkemm f’minorita jaffaċċjaw sfidi kbar – nisa b’diżabilita’. S’issa m’hawn l-ebda studju li jitfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn in-nisa f’pajjiżna.
F’ seminar organizzat mill-Kummissjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’ diżabilità,il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li l-Malta Community Chestfund lesta tiffinanzja riċerka tal-Universita’ ta’ Malta ffukata fuq dawn in-nisa, biex minnha titnieda diskussjoni fuq skala nazzjonali bbażata fuq is-sitwazzjoni reali f’Malta, biex tinħoloq kuxjenza dwar dawn in-‘nisa invisibli’. Din kienet propju t-tema tas-seminar li bil-parteċipazzjoni ta MCWO u l-CRPD, kienu diskussi diversi temi – mis-sesswalita ta’ dawn in-nisa tal-involviment tagħhom fid-dinja politika u amministrattiva.
Lorraine Spiteri, Chairperson MCWO stqarret li anka għall-attivisti tan-nisa, dawn in-nisa ta’ spiss jintesew u mhumiex rappreżentati, għalhekk jeħtieġ ikun hemm iktar kuxjenza dwar l-esperjenzi li qed iżommu lin-nisa b’diżabilità milli jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom.
Għaldaqstant ħeġġet iktar nisa b’diżabilita’ jinvolvu ruħhom f’ postijiet tax-xogħol u fi rwoli amministrattivi mhux biss biex jirrappreżentaw lin-nies b’diżabilita’ iżda anka f’isem n-nisa inġenerali.
Oliver Scicluna, President tal-CRPD stqarr li għandha ssir ħidma mhux biss bejn dawk ‘konvertiti’ li huma konxji ta’ dawn l-isfidi, iżda għandha tinħoloq diskussjoni ma’ min ma jagħtiex każ dan is-suggett.