Pajjiżna għandu bżonn jibda jiddiskuti politika nazzjonali dwar ix-xogħol li jista’ jsir mid-dar.
Dan intqal mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, waqt li kien qed jieħu sehem f’webinar li ddiskuta l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Abela qal kif waħda mit-tagħlimiet tal-pandemija kienet li jista’ jkollok ħaddiema jaħdmu mid-dar, bl-għażla tkun ukoll ta’ min iħaddem.
Dan jekk iwassal biex il-produttività tax-xogħol tibqa’ l-istess u fl-istess waqt titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq.
Qal kif id-deċiżjonijiet dwar dan għandu jkun aktar sostenibbli, dan sabiex tingħata dinja aħjar lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru Abela semma wkoll li l-Gvern qed jaħdem biex jintlaħqu s-sbatax-il mira tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda sas-sena elfejn u tletin.
Spjega kif “Kull ċittadin ta’ dan il-pajjiż irridu naħdmu flimkien sabiex nilħqu dawn il-miri tal-iżvilupp sostennibli nilħuqhom, b’mod tanġibli biex aħna ntejbu fl-aħħar mill-aħħar il-kwalita tal-ħajja tagħna.”