“Jekk pajjiżna ma jilħaqx il-miri tiegħu tar-riċiklaġġ u nuqqas ta’ skart se nkunu qed nitilfu oportunità ekonomika u ambjentali. Hemm bżonn ta’ aktar inizjattivi, infurzar akbar u parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini”. Qalet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli waqt żjara li għamlet fil-faċilità ta’ WEEE Malta u GreenMT fl-Imqabba.
WEEE Malta hija kumpanija responsabli minn immaniġjar ta’ skart elettriku jew elettroniku li jaħdem b’batteriji jew elettriku filwaqt li Green MT hija responsabli mill-immaniġjar ta’ skart tal-ippakiġjar.Dalli saħqet li rridu nibdew nħarsu lejn l-iskart bħala riżors li jista’ jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna billi anke jħaddem diversi Maltin u Għawdxin fis-settur.
Miriam Dalli qalet li l-immaniġjar tal-iskart mhux settur li rridu nindirizzaw waħdu f’ vacuum imma huwa qasam li jrid jkunu indirizzat mill-aspett ekonomiku, impjiegi industrija u ambjent bħala katina waħda.
Fuq kollox, tenniet Dalli d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minnha hu li jiddisponi u jirriċikla mill-iskart, inkluż dak elettriku u elettroniku b’mod legali u responsabli.
Dalli spjegat li l-ekonomija ċirkulari tista’ twassal għal tkabbir f’niċċeċ ġodda iżda biex dan isir hemm bżonn investiment dirett fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Dalli rrikonoxxiet l-importanza ta’ djalogu mal-istakeholders fis-settur sabiex il-leġiżlazjoni li tgħaddi minn Brussel tkun fl-aħħar mill-aħħar tirrifletti l-bżonnijiet tal-industrija, tal-pajjiż u taċ-ċittadini.
Essenzjali wkoll li l-liġijiet ikunu emendati b’mod li jindirizzaw l-issues f’pajjiżna u infurzati biex jitwaqqfu prattiċi irresponsabli u li jmorru kontra l-ispirtu tal-liġi.
Dalli appellat għal aktar edukazzjoni u kuxjenza dwar is-suġġett u ħeġġet lill-familji biex jagħmlu l-parti żgħira tagħhom u jirriċiklaw l-iskart fid-djar tagħhom.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti c-Chairman ta’ WEEE Malta Marcel Mizzi, c-CEO ta’ WEE Malta u Green MT Joe Attard, c-COO ta’ WEEE Malta Sergio Mallia, c-COO ta’ Green MT Marcella Agius u l-impjegati ta’ dawn il-kumpaniji.