Domanda li kull ma jmur qed tiżdied; xprunata mill-opportunitajiet li qed jinħolqu minn BREXIT u t-tkabbir ekonomiku fost l-oħrajn.
Fl-ewwel jum tal-Pharmacy Symposium, li jsir kull sena, il-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta, il-Professur Lilian Azzopardi, tkellmet dwar il-fatturi ewlenin li qed iwasslu għal dawn il-postijiet vakanti fis-settur tal-farmaċija. “L-ekonomija, l-industrija, Malta qed naraw ħafna żviluppi avvanzati u allura dak qed joħloq iżjed bżonn ta’ manpower avvanzat. Filfatt b’hekk għandna dawn il-bżonnijiet kbar ta’ farmaċisti. Tajjeb wieħed isemmi li bħala numru ta’ studenti tal-farmaċija, Malta nipproduċu per capita għall-popolazzjoni li għandna l-ogħla numru jiġifieri għalkemm qed nipproduċu l-ogħla numru xorta m’għandniex biżżejjed u dak huwa fatt li jindika li s-settur miexi ’l quddiem tajjeb ħafna.”
Il-karriera ta’ spiżjar illum il-ġurnata hija iktar orjentata lejn il-pazjent milli lejn il-mediċina, u għaldaqstant dan qed iwassal biex jiżdiedu l-karrieri fit-teknoloġiji tal-farmaċewtika.
Id-distakk bejn id-domanda u l-provvista huwa kbir, hekk kif huma biss madwar għoxrin u tletin student fis-sena li jiggradwaw u jibdew jipprattikaw il-professjoni.
Fis-Symposium, bħalma jsir kull sena, l-istudenti fis-settur jingħataw l-għodda meħtieġa biex jagħmlu r-riċerka ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mal-aħħar żviluppi fil-qasam.