“L-immigrazzjoni irregolari hi sfida komuni li lkoll qed niffaċċjaw u dan il-fenomenu jista’ biss jiġi miġġieled jekk naħdmu flimkien, flimkien f’din il-komunità u ma’ pajjiżi li jmissu mar-rotot migratorji ewlenin.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela, meta l-Ħamis attenda għas-Summit tal-Komunità Politika Ewropea, li sar f’Budapest, l-Ungerija.
B’rabta ma’ dan is-suġġett, Dr Abela wassal messaġġ b’saħħtu dwar ir-realtajiet li jiffaċċjaw pajjiżi bħal Malta u b’hekk hemm l-importanza li din l-isfida tiġi miġġielda b’rieda politika qawwija minn kulħadd.
Intqal li dwar dan is-suġġett mhemmx soluzzjoni waħda u, għalhekk, iridu jsiru numru ta’ miżuri u inizjattivi minn aġenziji u mseħbin differenti li jridu jkunu mgħejjuna wkoll minn finanzjament b’saħħtu.
Il-Prim Ministru ppropona numru ta’ miżuri kontra l-immigrazzjoni, fosthom komunikazzjoni aħjar ma’ immigranti prospettivi dwar ir-riskji tal-vjaġġi perikolużi li jagħmlu, koperazzjoni u investiment f’pajjiżi importanti, bħal-Libja, u l-appoġġ biex jitkissru ċ-ċrieki ta’ kriminalità b’rabta mat-traffikar tal-bnedmin.
Sadanittant, il-midja Nazzjonalista reġgħet inqabdet tigdeb, hekk kif din id-darba qalu li laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista tħassret fl-aħħar ftit minuti, meta dan ma kienx minnu, iżda sempliċiment għax il-Prim Ministru kien fi triqtu għal din il-laqgħa għolja barra minn xtutna.