Għal dawn l-aħħar ġimgħat ir-riserva tad-demm b’mod ġenerali nżammet tajba ħafna. Iżda l-inċidenti ta’ kull tip żdiedu sew, tant li affettwaw ir-risreva tal-gruppi tad-demm O positive, A negative u O negative.
L-O negative hu l-ewwel tip ta’ demm li jintuża f’emerġenzi fejn il-minuti jistgħu isarrfu f’telf ta’ ħajja. Quddiem dan ix-xenarju s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm appella b’mod qawwi biex min għandu dawn it-tipi ta’ demm jersaq biex jagħti minnufih.
Apparti hekk, is-Servizz appella għall-prudenza biex ma jseħħux inċidenti għax il-prevenzjoni tiswa daqs l-għoti tad-demm innifsu jekk mhux iktar.
Intant dawk li jixtiequ jagħtu demm jistgħu jagħmlu dan:
• fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM (7 ijiem fil-ġimgħa) mit-8:00 am sas-6:00 pm (l-aħħar reġistrazzjoni sas-6:00pm).
• fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fil-pjazza ta’ maġenb il-knisja parrokkjali tal-Imqabba.
• fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex nhar it-Tlieta 25 t’Ottubru ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sas-5:00pm (l-aħħar reġistrazzjoni sal-5:00pm).
Huwa importanti li wieħed jieħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.