Il-Partit Nazzjonalista reġa’ qed f’mument fejn għandu bżonn kemxa flus biex ilaħħaq mal-piżijiet finanzjarji tiegħu u minn tagħrif intern, ippubblikat ukoll fit-TORĊA tal-Ħadd, imiss jitlaq il-każin ta’ Santa Venera.
Dan minkejja li wieħed mill-kontestanti għall-kap tal-partit nazzjonalsita, Chris Said, iddikjara għal iktar minn darba li jekk isir kap hu ma jinbiegħux iktar każini.
Kien meta Chris Said kien Segretarju Ġenerali li kien sar il-pjan li permezz tiegħu l-partit kellu jiddisponi minn numru ta’ każini biex jagħmel tajjeb għad-dejn.
Iżda, illum Said qed jgħid li ma kienx jabqel miegħu u saħansitra iddikjara li kien hemm konvenji li ma ffirmax.
Iżda, internament fil-partit nazzjonalista, qed jingħad li d-dikjarazzjonijiet ta’ Chris Said huma xi ftit jew wisq perikolużi għaliex il-pjan finanzjarju ta’ ħmistax –il sena li tfassal fi żmienu bis-sehem tal-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech u t-teżorier Alex Perici Calascione huwa fil-fatt marbut mal-bejgħ ta’ numru ta’ każini tul is-snin.
Xi ħaġa li Said bħalissa qed jinjora għax qabel il-flus għall–partit għandu bżonn il-voti tal-kunsillieri meta fit-tnejn ta’ Settembru jsir l-ewwel rawnd fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit.
Il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista juża aħjar il-każini tiegħu kienet ħarġet ukoll mir-rapport tat-telfa tal-elezzjoni tal-elfejn u tliettax fejn intqal kif kellhom isiru iktar attivi.
Iżda, minflok sar hekk il-partit bejda jeħles minnhom biex iħallas id-dejn biex dan kien punt ieħor fejn mar kontra r-rapport tat-telfa.
U l-każini kienu s-sors li uża Richard Muscat biex attaka lil kandidat għat-tmexxija.
Fil-MUMENT kiteb li meta wieħed jipproponi li juża l-każini biex il-partitarji jkollhom lok fejn imorru u l-partit jismagħhom u jinqdew ikun qed imur lura u mhux ‘il quddiem.
Battuta ċara għal min irid jifimha, anke jekk Muscat pubblikament qal li mhux se jiddikjara l-vot tiegħu.