Kultant trid tarmi l-imbarazz. Mhux imbarazz politiku ta! Minn dak naħseb lanqas Wasteserv sħiħ ma jservi. Kont ilni ngħid żmien li kien jeħtieġli nnaddaf waħda sew il-garaxx. Ma nafx kemm hawn min hu bħali, imma jien wieħed minn dawk li ma narmi xejn.
Il-proverbju Malti li jgħid ‘erfa’ u sorr għal meta tiġi fil-bżonn’, pinġut għalija! Imma ħej, wasalt fl-istat li jekk ma nagħmilx passaġġ għall-karozza, jkolli nraqqadha barra. U ma rridtx. Għalhekk is-Sibt filgħodu ddeċidejt li nagħmel nofs ta’ nhar nilgħab mal-imbarazz. Anki jekk il-ġurnata ta’ qabel domt naqra ma’ dħalt id-dar u qomt qisni għadda trakk minn fuqi! Imma la daħħaltha f’rasi…
Imma ‘qalaħbeċ, il-garaxx kien eżatt bieb ‘l fuq minn Ċensina, dik ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel. Ħsibt fi pjan. Mela owkej, noqgħod fil-gallerija. Nara li the coast is clear, ninżel isfel, nerġa nittawwal ‘l hemm u ‘l hawn, qisni qed naqsam zebra crossing, ninżel bil-mod lejn il-garaxx, niftħu malajr, nidħol, inniżżel ix-xatter malajr, nixgħel id-dawl u noqgħod hemm fil-kwiet niżbarazza.
Ma ridtx nemmen li rnexxieli! Hemm kont, fil-garaxx, fi dlam ċappa, nħoss b’idi l-leminija l-ħajt ħalli forsi mmiss is-swiċċ u bl-oħra mitfugħa quddiemi ma jmurx nitgerbeb f’xi appostlu u neħodha għal wiċċi. Fl-aħħar sibt il-plakka. Mexxejt subajja lejn in-nofs, u għafast. Yessss…
Noooo… ħaqq għall-briegħed li għandu ma’ koxxtu l-ġgant tal-palazz! Xitt! Insejt li kont qtajt l-elettriku fil-garaxx meta beda jiġini għoli taħt Gonzi! Ħaqq għall-bagħla!
Kif kont hemm f’nofs id-dlam mitluf, insempel bil-kontijiet għolja ta’żmien l-aħbeċ Gvern Nazzjonalista, bdejt nisma’ l-innu tal-United. Kemmixt moħħi għal sekonda. Fid-dlam kif kont, missejt iż-żewġt ibwiet tal-jeans, avolja kont naf f’liema but qiegħed, u sibt il-mowbajl.
U ejja!
Bid-dawl tal-mobile dort malajr il-garaxx. Siġġu tal-baħar li kont ilni biex narmi minn xi żewġt isjuf ilu. Ftaħtu, poġġejt u, “Aw Ċens!”
“Aw Ajtjen!”, smajt leħen Ċensina minn ġol-mowbajl, “Int mhux id-dar qiegħed hux? Għax ċempiltlek u ma rrisponda ħadd!”
“Le Ċens, għandi qadja, mhux qiegħed id-dar”. Ma ġdibtx hux!
“Għax ħlomt ħolma dal-lejl Atjen!”
“Eħe?!” “Mela!”
Għalaqt għajnejja. Immaġinaw naqra, bil-qiegħda f’ġemb ta’ garaxx fi dlam ċappa, bil-mowbajl ma’ widinti, għajjien mejjet, nisma’ l-Ċensina. X’ġost u pjaċir kien fini!
“Mela!”, kompliet Ċensina, “Għadni mferfra s’issa!”
“Ħolma tal-biża’ mela Ċens!”
“U ngħid li tal-biża kienet!”
L-interess diġa kien qed imurli. Kelli pjani oħra għal dik l-għodwa, milli nisma’ rakkont ta’ ħolma.
“Mmmm”.
“Marelli, minn tant ħolm, ħlomt li qiegħda fuq il-fosos…”
“Mmmmm”, erġajt jien, hekk kif tajt waħda b’rasi sew.
“Kienet qisha ta’ vera, ara għad għandi tkexkix ma’ ġismi kollu… u anki int kien hemm ta!”
“Mmmm”. Naħseb geddumi mess ma’ sidri. Ftaħt għajnejja qishom ta’ kokka u, “Iva, iva Ċens… mela…”
“X’il-marelli qed tgħid Ajtjen?”
“Xejn, xejn … ħolma hux?” Erġajt għalaqt għajnejja u tlaqt ngħonos.
“Eħe. Mela, Ajtjen, ħlomt li qegħdha mlibbsa pulit pulit, xagħri miżbugħ isfar jgħajjat…”
Imma Ċensina x’il-mniegħel qegħdha tagħmel fuq il-fosos? Għidt bejni u bejn ruħi. U fuq kollox, jien, x’il-ożbreċ qed nagħmel fuq il-fosos??? U għalfejn liebes biss b’bandiera ta’ Malta?
Hemm kont fuq il-fosos. Liebes biss bandiera ta’ Malta. Ċensina kienet miexja lejja, liebsa pulit pulit, b’xagħarha isfar ħamallu bl-għeruq griżi u suwed jidhru. Fuq spallitha kellha bandiera tal-maduma. Magħha tippassiġġa rajt lil Ġanna. Ukoll liebsa pulit pulit. It-tnejn kellhom kamew imwaħħal f’nofs dahrhom. Kamew b’wiċċ il-Gonż fuqu.
Kif waslu ħdejja, Ċensina tagħtni ħarsa kerha iktar mill-bard ta’ Jannar! “X’ġara!” għidt bejni u bejn ruħi. Ċensina ħarset lejja. “X’ġara?”, werżqet, “Ħa ngħidlek x’ġara. Int liebes bandiera Maltija. Imma l-bandiera tal-partit li għandi fuq dahri, tiswa aktar minn tiegħek. Dik tahieli Sajmin. Għandha aktar minn mitt sena!”
“Sajmin? U din kif qratli moħħi?”
“Eħe”. Daret fuq Ġanna u kompliet. “And here we have the bouncing castle. Sajmin will have a go at it, ta! He will bounce and bounce,clapping his hands like mad, for once pretending he is the king of the castle. Imma it’s only for kids, the bouncing castle ta! But there again… some people are kids forever”.
Ċensina titkellem bl-Ingliż? Imma dan x’taħwid hu? Imma nsomma, fuq il-fosos qegħdin hux!
F’daqqa waħda Ċensina sellmet lil xi ħadd u ċarrtet tbissima minn widna sa’ widna. “Hiiii Salv!”
Tgeddist fil-bandiera ta’ Malta li kont liebes u ħarist. Hemm mal-mejda tal-bigilla kien hemm Salvu u David, jilgħaqu cone li minflok ġelat kien hemm żewġ scoops bigilla. Wara l-mejda, jservi, kien hemm zalzettu, l-kelb ta’ Salvu, liebes fardal bil-bozoz jixgħelu mat-truf. David dar lejn Ċensina, pponta lejn is-Salv u smajtu jgħajjat, “Welcome on board e!”
F’daqqa waħda, mill-bogħod rajt xi ħadd ġej lejna, qisu maħrub minn x’imkien. Beda jdur mal-erbat iqtates li kien hemm fuq il-fosos, jieqaf quddiem kull wieħed u jkellimhom, ixengel rasu ‘l hemm u ‘l hawn.
Ma tantx ħa ħin biex wasal hdejja. “Int Malti żgur!”
“Iva”, weġibt jien, “Lanqas li mhux qed tarani mgeżwer f’bandiera Maltija!”
“Istħi li int Malti. Istħi. Istħi, rridu l-Indipendenza. Istħi li int Malti”.
Kif qalli hekk, Jason dar fuq Ċensina u qalilha l-istess diskors.
Ma domtx inħares wisq, għax ħassejt xi ħaġa taħbat ma’ rasi. Bużżieqa. Ħadra. Kif ġbartha minn mal-art, flejtha. Il-bużżieqa ħadra kienet forma ta’ wiċċ Casa, dak li ma jiddejjaq assolutament xejn ikun partiġġjan u jaħdem kontra Malta tagħna fi Brussell. Ma’ jistax ikun! Bdejt niġbor il-bżieżaq kollha, kollha ħodor. Kif nerfagħom bdew jieħdu forma ta’ wiċċ. Iħarsu lejja u jidħku daħka ndemonjata. Comodini. Metsola. Casa. Comodini, Metsola, Casa. Comocasa. Metsodini. Cassola. Cassola? X’kien qed jagħmel hemm? Buqq! Aktar ma bdejt nerfa’ bżiezaq ħodor, aktar id-dahk indemonjat beda jidwi f’moħħi. Il-fosos imtlew b’din id-daħka. Xejn xejn, imtliet b’ xi ħaġa!
F’daqqa waħda rajt bużżieqa oħra. Ma stajtx nagħraf il-kulur tagħha. Imma spikkat fost il-ħdura ta’ bżieżaq li kien hemm. Ġrejt kif stajt lejha. Inżomm il-bandiera Maltija madwari, ma jmurx taqa’ u nsib ruħi għeri! Ma tantx għandi six packs! One pack għad għandi biss!
Ilħaqt il-bużżieqa u flejtha. F’daqqa waħda inbdilet f’wiċċ Leo. “Ajtjen”, qalli Leo. Imma int ukoll Leo? Jien Etienne ta! Ilna nafu l-xulxin Leo! Etienne!
“Ajtjen”, reġa qalli Leo, “Tatix kas ta! Min jiskonġra jrid ikun pur. Min jagħmel il-ħsara lil pajjiżu, lanqas biss ħaqqu li jgħid li huwa Malti!
Kif dawwart rasi ħassejt id tmisssni. Darling Ann, liebsa kowt fl-eqqel tas-Sajf. Kowt magħmul mill-ġilda u l-fer tal-fniek. Kif dort lejha, fetħet il-kowt u mwaħħlin tal-inforra kien hemm ċedola fuq ċedola. “Dawn sigrieti”, qaltli, “Tidħol għal waħda jew?” U x’ċedola, ċedola l-ostrejaka dinja jew!
Mill-bogħod bdejt nisma’ “Testing, one, two three, testing”. Se jibda Sajmin. Imma qabel jibda ridt immur fuq il-palk u nkanta l-innu Malti! Tlaqt niġri lejn il-palk. Imma aktar ma niġri, aktar bdejt neħel mat-torrijiet u tined u mwejjed u l-bżieżaq ħodor li kien hemm. F’daqqa waħda l-fosos djiequ u donnu bdejt niġri ġo sqaq. Ma jistax ikun li l-palk għamluh fi sqaq! U fuq il-fosos m’hemmx sqaqien! Issa ma kontx għadni liebes bandiera Maltija. B’xi mod jien u niġri l-bandiera nbidlet f’qalziet abjad u qmis ħamra. Flok il-but kien hemm is-salib ta’ Ġorġ.
Irnexxieli noħroġ mill-ħitan tal-isqaq u tlajt fuq il-palk.Fl-isqaq it-tużżana li kien hemm quddiem il-palk dehru ħafna. Ħtaft il-mikrofown mingħand Sajmin u bdejt inkanta l-innu Malti. Sajmin ħares lejja u qalli, “Jien irrid inkun għal Malta biex immexxi bl-onesta’ u biex neqred il-korruzzjoni”.
Madwari ħarġu xi sebat’ itfal kollha lebsin ta’ Pinoccho. Kif rajthom, ħtaft il-majkrfown minn idejn Sajmin u bdejt ngħajjat “Rużar! Rużar!”
“X’liżar hu, Ajtjen?, Int qed tismani jew? Aaaajtjen? Ajtjeeeen?
Qomt maħsud, bla nifs. Il-one pack tiela’ u nieżel jipprova jdaħħal l-ossiġnu ġol-pulmun. U kif ftaħt għajnejja rajt dalma. Kull ma kien hemm xaqq dawl ġej mill-mowbajl. Xi ħadd kien qed jgħajjatli mill-mowbajl. Ċensina!
“Aw Ċens…”
“Mela. Int u Sajmin fuq il-palk fuq il-fosos! Ara x’ħolma mħawwda ħlomt e!”
“Iva, iva Ċens!” Għadni ma ġejtx f’tiegħi.
“Insomma ħallejtek, Ajtjen. Ma kontx norqod il-lejla kieku ma rrakkontajtlekx xi ħlomt”.
Kif qatgħet, intefa’ l-mobajl u erġajt ġejt fi dlam ċappa. Xitt. L-imbarazz tal-garaxx għal darb’oħra. Biżżejjed imbarazz għal-lum!