B’żieda oħra fil-kumpens għall-għoli tal-ħajja, il-Gvern se jkun qed jalloka €100 miljun aktar f’pensjonijiet, filwaqt li se jkun qed jalloka €350 miljun oħra biex ikompli jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, ħabbar dan waqt business breakfast organizzat mit-Times of Malta fejn sostna li, għall-Baġit tas-sena d-dieħla, il-Gvern għal darb’oħra mhux se jżid jew jintroduċi taxxi ġodda.
Hekk kif wieġeb il-mistoqsijiet kemm tal-ġurnalisti kif ukoll tal-imsieħba soċjali, il-Ministru Caruana sostna li l-prijorità tal-Gvern hi li jassigura finanzjament b’saħħtu biex jagħmel tajjeb għall-miżuri soċjali, tant importanti.
Fost oħrajn, dwar iż-żieda fil-COLA, li din is-sena se tkun qed tlaħħaq it-€12.81ċ fil-ġimgħa, Caruana rrimarka li din se żżid madwar €100 miljun fil-ħlas tal-pensjonijiet. Dan filwaqt li ftehimiet kollettivi ġodda se jżidu l-ħlas tal-Gvern b’madwar €70 miljun.
“Il-Baġit, li se nkunu qed inħabbru nhar it-Tnejn, se jkun wieħed li se jkun qed jagħti s-serħan il-moħħ, għax se jkun qed juri ċerta dixxiplina fiskali, imma fl-istess waqt se jkun qed isostni l-impenn tagħna f’dak li għandu x’jaqsam is-sussidji tal-enerġija, li huma tant importanti għall-industrija u kif ukoll għall-familji Maltin u Għawdxin. Imma aktar minn hekk ukoll il-Baġit ta’ nhar it-Tnejn se jkollu nefqa sostanzjali fuq l-element soċjali, għax dan hu Gvern li se jkompli jkun viċin il-poplu Malti u Għawdxi.”
Sadanittant, Clyde Caruana rrimarka wkoll l-importanza tad-dixxiplina fiskali hekk kif il-Gvern se jkompli jisħaq favur dan. Fil-fatt, il-Ministru għall-Finanzi aċċenna wkoll għal sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali li se jkunu qed jgħinu jidentifikaw persuni li jevitaw it-taxxa. Dwar dan sostna li s-sistema qed tiġi ttestjata fost numru ta’ negozji.
Hawn il-Ministru rrimarka l-importanza ta’ din il-ħidma hekk kif tenna li raġuni ewlenija għat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna hu li jonqos dan l-abbuż.
“Dak li konna ħabbarna aktar kmieni din is-sena fil-fatt diġá sar ħafna xogħol fuqu. Bħalissa qed isir l-ittestjar fuqu biex naraw li minn Jannar li ġej, is-sistemi li konna qed naħdmu fuqhom din is-sena jidħlu b’mod aktar attiv u jagħtuna l-frott tagħhom.”
Mistoqsi dwar l-isfida tal-inflazzjoni u dak sostnut mill-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba b’rabta ma’ abbuż minħabba pożizzjoni kompetittiva b’saħħitha minn importaturi f’pajjiżna, il-Ministru għall-Finanzi rrimarka kif id-daqs tas-suq f’pajjiżna minnufih joħloq sfidi mil-lat ta’ kompettività.
Hawn Caruana aċċenna anke għal dak li sostniet il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, li r-realtà hi li hemm elementi ta’ ‘greed inflation.’
Dwar il-paga minima, il-Ministru għall-Finanzi, irrimarka wkoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet li kważi ġew konklużi b’rabta ma’ dan bejn l-imsieħba soċjali.
Il-Ministru għall-Finanzi rrimarka wkoll kif id-diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla se jkun qed jinnota investimenti sostanzjali fl-industrija tal-manifattura u s-setturi finanzjarji.