Hija emozzjoni imprezzabbli meta jiġi xi ħadd jirringrazzjak u jgħidlek li bis-saħħa tiegħek għadu ħaj.
Kliem Christian Xuereb, surġent li ilu tlettax-il sena fil-Korp tal-Pulizija, u li għal sena oħra ġie rikonoxxut għall-ħidma f’waqtha tiegħu li għamlet differenza fil-ħajja tan-nies.
Fil-fatt, is-Surġent kien fost wieħed u erbgħin membru tal-Korp li ngħataw ċertifikat ta’ mertu għal ħidmiethom tul is-sena li għaddiet.
Fil-każ tiegħu, is-Surġent Xuereb għen persuna f’mument vulnerabbli.
Qal kif, “Niftakar konna rċevejna call l-għassa u kelli persuna waqqfuha xi nies fejn talbuna biex immorru f’post partikolari minħabba l-fatt li kellna persuna li setgħet tweġġa’ lilha nnifisha. Niftakar konna morna immedjatament fuq il-post, ħafna ħsibijiet jgħaddu minn ġo moħħok ħabba l-fatt tibda tgħid jekk hux ħa tasal fil-ħin u affarijiet minn dawn u fil-fatt konna wasalna fil-ħin u kont kellimt lil din il-persuna.”
Huwa spjega li l-persuna assolutament ma riditx l-għajnuna tal-Pulizija, imma b’persistenza rnexxielu jgħinnha f’mument diffiċli ħafna f’ħajjitha.
Spjega kif, “X’ħin jaraw il-Pulizija kultant ma jeħdux pjaċir. Hemmhekk tiġi sitwazzjoni iktar diffiċli għalina biex nikkonvinċu lil dal-persuna li aħna qegħdin hemm biex ngħinuh.”
Il-Korp tal-Pulizija għandu tim apposta li joffri servizz ta’ għajnuna psikoloġika lill-membri tiegħu, għaliex dawn huma każijiet li jħallu impatt fuq l-uffiċjali wkoll.
Is-Surġent Xuereb qal li dawn is-sitwazzjonijiet huma diffiċli għal kulħadd, imma fl-istess ħin jimlewh b’kuraġġ biex ikompli b’ħidmietu.
Sostna, “Hija motivazzjoni kbira li taf li hemm persuna li bl-intervent tiegħek u tal-kollegi tiegħek li kienu fuq il-post li llum il-ġurnata għadha qawwija u sħiħa, u huma stess kultant jiġu jfittxuk u jgħidulek, thank you għax bis-saħħa tiegħek u ta’ sħabek għadni hawn, dik hija xi ħaġa imprezzabbli.”
Is-Surġent qal li f’dawn is-sitwazzjonijiet, iħossu kburi li jifforma parti mill-Korp tal-Pulizija.
Qal li, “Aħna għandna xogħol kulħadd jaf li huwa stressanti, kultant niġu kritikata għax-xogħol li nagħmlu, però meta inti tiltaqa’ ma’ dawn is-sitwazzjonijiet, jgħinuk sabiex inti tkompli tagħti s-servizz tiegħek liċ-ċittadin.”