Triq Santa Eliżabetta fix-Xewkija waslet fl-aħħar fażi ta’ tiswija kompluta u qed tingħata t-tarmak.
Dan b’investiment ta’ erba’ mitt elf ewro. Din it-triq, b’tul ta’ tliet mitt metru hija triq li tara għexieren ta’ karozzi kuljum, iżda x-xogħlijiet fuq din it-triq ma kinux jinvolvu biss il-wiċċ tagħha, kif spjega l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr: “Mhux biss għamilna l-wiċċ iżda bdilna s-servizzi kollha kemm dawk li huma tad-dranaġġ tal-ilma iżda introduċejna wkoll kanali sabiex neliminaw il-problema tal-għargħar minn din it-triq fejn b’mod ovvju ser tkun qed iġġonġi mat-triq prinċipali li tagħti lejn l-Imġarr. Għaldaqstant inħarsu ‘l quddiem għal aktar investiment f’aktar toroq inkluż dawk it-toroq residenzjali.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tax-Xewkija, Hubert Saliba kien sodisfatt b’dawn ix-xogħolijiet estensivi fuq din it-triq arterjali f’dan ir-raħal. Is-Sur Saliba spjega kif il-pjanijiet oriġinali ta’ din it-triq kellhom jinbidlu malli l-kunsill lokali sar jaf b’aktar problemi.
Is-Sur Saliba sostna: “Iltqajna ma’ diversi sfidi li ma konniex preparati għalihom speċjalment il-main tad-drenaġġ li ma kienx ippjanat li jinqala’ imma meta bdejna naqilgħu t-triq sibna li kellna naqilgħu dan ukoll. Saru diversi xogħlijiet oħra bħal mhuma s-servizz tal-ilma u l-bankini.”
Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid kif proġetti u investimenti bħal dawn se jibqgħu jsiru fit-toroq Għawdxin, speċjalment toroq li ilhom żmien twil fi bżonn ta’ tiswija.
Ritratti: MGOZ