Bużnanna Maltija għaddiet minn esperjenza ta’ razziżmu li ħalliha ftit stat ta’ xokk l-Awstralja. Episodju li rrakkontatu mal-ġurnal Awstraljan The Courier, u li seħħ waqt l-hekk imsejjaħ Begonia Festival.
Ironikament, huwa festival li jiċċelebra l-multikulturaliżmu. Iżda din il-mara sfat vittma ta’ raġel li malli raha beda jġib ruħu b’mod stramb. Qabdilha idha u lewieha, heddidha li se jiksirhielha u sejħilha ‘wog’ – deskrizzjoni kerha għal nies li ġejjin mill-Italja, il-Greċja, il-Libanu u Malta.
Il-mara, Mary Ripard, hija Maltija li ilha l-Awstralja għal dawn l-aħħar ħamsin sena u tgħix f’Ballarat. Qalet li ħadd qatt ma esperjenzat xi ħaġa daqshekk offensiva. Irrakkontat li kollox ġara meta bdiet tipprova tagħmel ftit spazju biex tifel li kien hemm warajha seta’ jara parata li kien hemm għaddejja. “Qattajt lejl sħiħ nara t-televiżjoni u naħseb: għaliex għammilli hekk?” staqsiet waqt intervista ma’ The Courier, li dehret f’artiklu bl-isem “Shock at Racial Abuse”.
L-inċident dejjaqha aktar għax magħha kien hemm in-neputijiet tagħha, u bintha u neputijiet oħra kienu qed jipparteċipaw fil-parata. Qalet li baqgħat hemm bil-biża li dan il-bniedem jerġa’ jinfexx fiha. Ma’ The Courier, stqarret li kienet qed tikkonsidra tmur għand il-Pulizija u tirrapporta l-każ ta’ vjolenza u razziżmu.