Il-Ħamis filgħodu l-President ta’ Malta ta l-ġurament lil Rebecca Buttigieg u Alicia Bugeja Said bħala Segretarji Parlamentari fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela.
Preżenti għal ġuramenti fis-sala tal-Ambaxxaturi fil-Palazz tal-President il-Belt kien hemm qraba taż-żewġ Segretarji Parlamentari l-ġodda.
Il-ġuramenti ngħataw fil-preżenza tal-Prim Ministru, il-Prim Imħallef u l-Avukat tal-Istat fost oħrajn.
Rebecca Buttigieg inħatret Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.
Dan filwaqt li Alicia Bugeja Said inħatret Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.
Wara ċ-ċerimonja ONE NEWS ħa l-kummenti taż-żewġ membri ġodda fil-Kabinett tal-Prim Ministru.
Minn naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg fissret il-ħidma li se tkun qed taħdem fuqha sa mill-ewwel jiem tagħha f’din il-kariga l-ġdida.
Buttigieg tenniet, “Għandna ħafna fuq xiex naħdmu, fuq li nibnu fuq it-tajjeb għaliex f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol għaliex illum għandna soċjetà aktar miftuħa fejn kulħadd jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u għalhekk issa looking forward ħafna biex inkunu nistgħu nkomplu nibnu fuq il-proposti li kellna fil-manifest Malta Flimkien. Ewlenija fosthom hija r-riforma tal-IVF biex inkunu nistgħu ngħinu aktar koppji jsiru ġenituri għall-ewwel darba.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said intant tkellmet dwar l-isfidi fis-settur responsabbli minnu u rrimarkat il-ħidma li se tkun qed twettaq f’dan il-qasam.
Bugeja Said stqarret, “Jiena inħares ’il quddiem biex is-setturi tagħna jibqgħu sostenibbli, nibqgħu niġġenerawhom, għandna problema ta’ demm ġdid f’dawn is-setturi. Importanti li nkomplu bl-inċentivi biex nattiraw aktar żgħażagħ u nkomplu naħdmu fuq id-drittjiet tal-annimali.”
Ritratti: OPR u Gareth Degiorgio