Komplew joħorġu iżjed dettalji dwar l-involviment tal-eks deputat Nazzjonalista Noel Buttigieg Scicluna fl-attivitajiet ta’ Isabel dos Santos, li qed tkun akkużata fost l-oħrajn b’korruzzjoni u frodi minn kumpaniji li kienet tmexxi f’pajjiżha l-Angola meta missierha kien il-President tal-pajjiż.
L-aħħar dettalji juru kif dos Santos u żewġha nefqu mal-€50 miljun biex jixtru appartament lussuż f’Monako.
Dan permezz ta’ kumpanija bl-isem ta’ Athol Limited f’Malta fi żmien Gvern Nazzjonalista f’Novembru tal-2012.
Għal darb’oħra, Noel Buttigieg Scicluna kien mpoġġi mill-koppja sabiex ikun wieħed mill-amministraturi ta’ din il-kumpanija.
Dan ifisser li l-eks deputat Nazzjonalista huwa involut f’minn tal-inqas disa’ kumpaniji mill-għaxra li dos Santos fetħet f’pajjiżna.
Fost dawn il-kumpaniji, Wise Intelligence Solutions ukoll inħolqot fi żmien Gvern Nazzjonalista u kienet intużat minn dos Santos sabiex tiffroda l-kumpanija statali taż-żejt tal-Angola.
Din kienet inħolqot mid-ditta legali Ganado Advocates, li esponenti tagħha dan l-aħħar kienu jkunu minn ta’ quddiem nett fi protesti ta’ Repubblika u Occupy Justice.
Isabel dos Santos ukoll użat il-kumpaniji lokali Victoria Holding u Winterfell sabiex minnhom tgħaddi miljuni ta’ flus sabiex takkwista kumpaniji fil-Portugall u fl-Isvizzera.
Fil-każijiet kollha Noel Buttigieg Scicluna jidher bħala direttur jew amministratur ta’ dawn il-kumpaniji.
Intant, wara li nkixef dan l-involviment estensiv minn esponenti Nazzjonalisti u wara li ftaħar li l-istrutturi ta’ dos Santos huma trasparenti, il-Ħadd filgħodu t-Times irrapportat li Buttigieg Scicluna qiegħed jipprova jiddistanzja lilu nnifsu minn ma’ dos Santos. L-istess għamlet Ganado Advocates.
L-involviment ta’ Buttigieg Scicluna fl-attivitajiet ta’ dos Santos, li llum hija mfittxija fuq korruzzjoni u frodi f’pajjiżha, jmur lura għal żmien meta l-eks deputat Nazzjonalista kien igawdi bil-kbir mill-Gvern ta’ dak iż-żmien.
Fi żmien gvern Nazzjonalista Buttigieg Scicluna serva bħala ambaxxatur għad-Danimarka, pajjiż iffrekwentat sew mir-raġel ta’ dos Santos.
Kien anke membru fuq diversi bordijiet tal-Gvern. Fuq medda ta’ 10 snin l-eks deputat Nazzjonalista tħallas mat-€850,000.
Taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, Buttigieg Scicluna fforma parti minn Kummissjoni li kellha tagħżel il-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014.
Buttigieg Scicluna ilu membru tal-Partit Nazzjonalista sa mis-sebgħinijiet u huwa viċin ferm tal-establishment Nazzjonalista.
Jispikkaw relazzjonijiet mill-qrib fost oħrajn mat-tifel tal-eks Ministru Austin Gatt. Dan filwaqt li llum għadu qrib ħafna tal-fazzjoni ta’ Busuttil ta’ dik li ssejjaħ lilha nnifsha s-soċjetà ċivili.