Albert Buttigieg, li issa huwa l-eks Sindku ta’ San Ġiljan, ma ċaħadx li kien hemm min talbu biex ma jikkontestax l-elezzjoni każwali biex jimtela s-siġġu ta’ Robert Arrigo fl-għaxar distrett elettorali.
Mistoqsi minn One News wara li ġie elett fil-parlament f’elezzjoni każwali li kkontestatha wkoll Emma Portelli Bonnici, Buttigieg qagħad attent ħafna li ma jiċħadx is-sewwa magħruf.
“Jien għandi żewġ idejn u żewġ għajnejn quddiem biex inħares ’il quddiem u mhux lura,” qal Buttigieg għad-domanda ta’ One News dwar jekk kienx hemm min talbu ma jikkontestax.
Imbagħad qal li ma kienx hemm pressjoni.
Fl-aħħar ġimgħat ġie rrapportat li l-kandidati prospettivi ntalbu ma jikkontestawx din l-elezzjoni, iżda Albert Buttigieg u Emma Portelli Bonnici m’obdewx. Obda biss Karl Gouder, li jaħdem id-Dar Ċentrali.
Ix-xewqa li ħadd ma jikkontesta kienet ġejja mill-fatt li kienet nibtet ix-xewqa li jiġi elett b’co-option il-Viċi-Kap, Alex Perici Calascione. Iżda Buttigieg, li qabel l-elezzjoni qal li kien hemm min għamillu l-ħsara biex ma jitlax, mill-ewwel għamilha ċara li din id-darba ma kienx se jċedi.
Wara li ġie elett, Buttigieg ġie mistoqsi għal darb’oħra dwar il-kunflitt tiegħu ma’ Bernard Grech u mal-Partit Nazzjonalista. Għal darb oħra, Buttigieg qal li għajnejh qegħdin quddiem biex iħares ‘il quddiem u żied li fil-Parlament se jimxi fuq il-passi ta’ San Franġisk.