Il-Minsiteru għas-Saħħa innota li llum għal darb’oħra il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ġab il-fatti ħżiena meta prova jitfa’ dubju fuq l-akbar investiment li qatt ra pajjiżna fil-qasam tas-saħħa billi jikkwota fatti żbaljati.
Fi stqarrija l-Minsiteru nnota li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeċieda li jikkwota minn artiklu li deher fil-ġurnal The Sunday Times of Malta mingħajr ma vverifika l-fatti. Fil-fatt dak li rrapportat kemm The Sunday Times of Malta u l-Kap tal-Oppożizzjoni huma mimlija ineżatezzi.
Kif intqal kemm-il darba l-konċessjoni għal dan il-proġett li jinkludi l-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex hija għal 30 sena. Fil-każ tal-Isptar ta’ Għawdex u Karin Grech, wara t-30 sena ikun l-Gvern li jiddeċiedi jekk jkunx hemm estenzzjoni tal-kuntratt jew le. Vitals Global Healthcare tista’ biss teżerċita d-dritt li testendu t-titlu għall-Isptar San Luqa li l-ħsieb hu li jkun żviluppat fil-maġġoranza tiegħu għat-turiżmu mediku.
L-istqarrija tkompli tinnota li fl-artiklu miktub minn Ivan Camilleri, intqal li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ittieħed għal 99 sena. Il-Ministeru qal li din mhijiex veritiera u hija miżinterpretazzjoni skoretta tal-Atti Notarili.
Il-fatt aħħari hu li l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar ta’ Ghawdex se jiġu żvillupati mill-ġdid bi spejjeż tal-investitur privat waqt li s-servizz għall-pazjenti Maltin u Għawdxin ser jibqa’ mingħajr ħlas.
Intant, il-Ministeru tas-Saħħa bagħat dritt ta’ risposta lill-ġurnal The Sunday Times of Maltau l-ġurnal elettroniku timesofmalta.com dwar din l-istorja.