“Ma teżistix.”
Dan kien kliem l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil propju ftit tal-jiem ilu waqt il-programm Xarabank dwar il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi mill-preżentatur tal-programm dwar il-fazzjonijiet li għal dawn l-aħħar sentejn u nofs iddominaw u kissru lill-Partit Nazzjonalista, Busuttil wieġeb li “assolutament” dawn ma jeżistux u m’hemmx firda fil-Partit.
Meta kien mistoqsi: “Naħseb konxju li hemm il-fazzjoni ta’ Simon u l-fazzjoni ta’ Delia?” Busuttil wieġeb: “Ma teżistix.”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Jiġifieri ma hemmx firda qed tgħid int?” Busuttil tenna: “Assolutament.”
Waqt l-istess programm Busuttil saħansitra qal li l-fazzjonijiet huma vvintati mill-Partit Laburista: “Din hija ħolqa tal-Partit Laburista biex jipprova jiżra’ l-firda fil-Partit Nazzjonalista.”
Huwa sostna: “Hija ħasra li fil-politika niżirgħu daqshekk mibegħda u daqshekk firda għax il-politika tista’ tuża’ b’mod pożittiv.”
Tal-istess fehma kien id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech li jifforma parti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil hekk kif ftit tax-xhur ilu saħaq li m’hemm l-ebda fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Grech kien qal: “Jien nassigurak li ma hemm l-ebda fazzjonijiet. M’hemmx fazzjoni waħda fazzjoni l-oħra. Nassigurak li dan ma hu minnu assolutament xejn.”
L-impressjoni li taw Simon Busuttil u Claudio Grech jikkuntrastaw ferm mat-terrimot politiku li ħakem lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem.
Dan wara it-tlett riżenji tal-Clyde Puli, Robert Arrigo u Kristy Debono.
Fi kliem Clyde Puli f’botta ċara lejn ta’ Busuttil huwa ma pretendiex għajnuna iżda lanqas gambetti u daqqiet ta’ sieq fl-għaksa.